Aqbeż għall-kontentut

Yeni-Kale

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
It-torri ta’ Yeni-Kale

Yeni-Kale (bl-Ukren: Єні-Кале; bir-Russu: Еникале; bit-Tork: Yenikale; bit-Tatar tal-Krimea: Yeñi Qale, spelluta wkoll Yenikale, Eni-Kale, Yeni-Kaleh jew Yéni-Kaleb) hija fortizza max-xatt tal-Istrett ta’ Kerch fil-belt ta’ Kerch fil-Krimea.

Yeni-Kale u l-Istrett ta’ Kerch li jikkollega l-Baħar Iswed mal-Baħar ta’ Azov

Yeni-Kale nbniet mill-Imperu Ottoman bejn l-1699 u l-1706 fuq il-peniżola ta’ Kerch li kienet parti mill-Khanat ta’ Krimea. L-isem Yenikale jfisser “fortizza ġdida” bit-Tork (yeni - ġdida, kale - fortizza). Il-fortizza nbniet skont il-gwida ta’ Goloppo, Taljan li kien ikkonverta għall-Iżlam. Barra minn hekk, diversi inġiniera Franċiżi ħadu sehem fil-kostruzzjoni.[1]

Yeni-Kale kienet armata b’kanuni b’saħħithom u kienet tokkupa post strateġiku importanti tul il-kosta tal-Istrett ta’ Kerch. Il-fortizza kienet tokkupa erja ta’ 25,000 m² u kellha żewġ imħażen għall-porvli, arsenal, ġibjun għall-ilma, djar abitabbli, struttura bil-banjijiet u moskea. Madwar 800 suldat Tork u 300 suldat Tatar tal-Krimea kienu stazzjonati bħala gwarniġjon f’Yeni-Kale. Il-punt dgħajjef tal-fortizza kien in-nuqqas ta’ ilma tajjeb għax-xorb fiż-żona. Għalhekk, tqiegħed pajp tal-ilma taħt l-art biex iwassal l-ilma minn għajn li kienet tinsab kilometri bogħod mill-fortizza. Yeni-Kale ntużat wkoll bħala residenza tal-paxà.

Veduta ta’ Yeni-Kale mill-kosta

Matul il-gwerra bejn ir-Russja u t-Turkija ta’ bejn l-1768 u l-1774, l-Armata Russa invadiet il-Krimea fis-sajf tal-1771. Minkejja li r-rinforzi mill-Imperu Ottoman kienu waslu minn qabel, it-Torok ħadu d-deċiżjoni li jabbandunaw il-fortizza ta’ Yeni-Kale. L-unitajiet Russi taħt il-kmand tal-Ġeneral Nikolay Borzov daħlu fil-fortizza fil-21 ta’ Ġunju 1771.[2] Abaza Muhammad Pasha, li kien il-kmandant ta’ Yeni-Kale ħarab lejn Sinop, it-Turkija, u s-sultan taħt is-sentenza tal-mewt minħabba l-għadd ta’ fallimenti militari.

Wara t-Trattat ta’ Küçük Kaynarca fl-1774, Kerch u l-fortizza ta’ Yeni-Kale ġew ċeduti lir-Russja. Il-fortizza saret parti mill-muniċipalità tal-belt ta’ Kerch-Yenikale tal-Governorat ta’ Taurida.

Fis-seklu 19, il-fortizza ntużat mir-Russi bħala sptar militari. Madankollu, mis-snin 80 tas-seklu 19, Yeni-Kale ġiet abbandunata għalkollox.

Illum il-ġurnata, il-fdalijiet ta’ Yeni-Kale saru attrazzjoni turistika. Id-distett ta’ Kerch fil-qrib jissejjaħ Yeni-Kale wkoll.

  1. ^ "Yeni-Kale – ancient Ottoman fortress in the Crimea · Ukraine travel blog" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-11.
  2. ^ "Крепость Ени-Кале". www.kerch.com.ua. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-04-11. Miġbur 2021-04-11.