Aqbeż għall-kontentut

Timgad

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-fdalijiet Rumani ta' Timgad.

Timgad (bl-Għarbi: تيمقاد, b'ittri Rumani: Tīmgād, magħrufa wkoll bħala Marciana Traiana Thamugadi) kienet belt Rumana fil-Muntanji Aurès fl-Alġerija. Ġiet stabbilita mill-Imperatur Ruman Trajanu għall-ħabta tal-100 W.K. L-isem sħiħ tal-belt kien Colonia Marciana Ulpia Traiana Thamugadi. L-Imperatur Trajanu semma l-belt b'kommemorazzjoni għal ommu Marcia, oħtu l-kbira Ulpia Marciana, u missieru Marcus Ulpius Traianus.

Il-fdalijiet tal-belt jinsabu fit-territorju attwali tal-Alġerija, madwar 35 kilometru (22 mil) fil-Lvant tal-belt ta' Batna, u huma notevoli għaliex jirrappreżentaw wieħed mill-aqwa eżempji eżistenti tal-pjanta b'għamla ta' grilja li kienu jużaw ir-Rumani fl-ippjanar tal-bliet. Timgad tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[1]

Fl-eks isem ta' Timgad, Marciana Traiana Thamugadi, l-ewwel parti – Marciana Traiana – hija Rumana u tirreferi għal isem il-fundatur tagħha, l-Imperatur Trajanu u oħtu Marciana.[2] It-tieni parti tal-isem – Thamugadi – "ma għandu xejn Latin fih".[3] Thamugadi huwa l-isem Berberu tal-post fejn inbniet il-belt, li jirreferi għall-plural ta' Tamgut, li tfisser "quċċata".

Il-belt ġiet stabbilita bħala kolonja militari mill-Imperatur Trajanu fis-sena 100. Kienet maħsuba biex isservi primarjament bħala bastjun Ruman kontra l-Berberi fil-Muntanji Aures fil-qrib, u oriġinarjament kienet popolata l-iktar b'veterani u kolonjalisti Rumani.[4][5] Għalkemm il-biċċa l-kbira minnhom qatt ma kienu raw Ruma qabel, u Timgad kienet mijiet ta' mili 'l bogħod mill-belt Taljana, Trajanu investa bil-kbir fil-kultura u fl-identità Rumana.[6]

Il-belt gawdiet eżistenza paċifika għall-ewwel diversi mijiet ta' snin u saret ċentru tal-attivitajiet Kristjani mill-bidu tas-seklu 3, u ċentru Donatist fis-seklu 4. Matul il-perjodu Kristjan, Timgad kienet djoċesi u saret rinomata fl-aħħar tas-seklu 4 meta l-Isqof Optat sar il-kelliem tal-moviment Donatist. Wara Optat, Thamugadai kellha żewġ isqfijiet Gaudentius (Donatist) u Faustinus (Kattoliku).[7]

Fis-seklu 5, ir-rikkezzi tal-belt insterqu mill-Vandali qabel ma spiċċat f'deklin. Timgad inqerdet fl-aħħar tas-seklu 5 minn tribujiet Berberi mill-Muntanji Aurès. Fil-539 W.K., matul il-Gwerer mal-Għarab Iberiċi, il-Ġeneral Biżantin Salamun reġa' ħakem u reġa' bena l-belt, u inkorporaha fit-Tramuntana tal-Afrika Biżantina. Il-ħakma mill-ġdid wasslet biex ċerti attivitajiet jerġgħu jieħdu l-ħajja fil-belt, u din saret parti minn linja ta' difiża kontra l-Għarab Iberiċi.[8] Madankollu, il-ħakmiet Musulmani bikrin wasslu għall-qerda finali ta' Thamugadi u sas-seklu 8 ma baqgħetx abitata iktar.

Hu u jivvjaġġa fit-Tramuntana tal-Afrika, l-esploratur Brittaniku James Bruce sab il-fdalijiet tal-belt fit-12 ta' Diċembru 1765, u x'aktarx li kien l-ewwel Ewropew li żar is-sit wara sekli sħaħ. Huwa ddeskriva l-belt bħala "raħal żgħir, iżda mimli binjiet eleganti". Fl-1790, huwa ppubblika l-ktieb Travels to Discover the Source of the Nile (Vjaġġi għall-Iskoperta tas-Sors tan-Nil), fejn huwa ddeskriva x'kien sab f'Timgad. Il-ktieb intlaqa' b'xettiċiżmu fir-Renju Unit, sal-1875 meta Robert Lambert Playfair, il-konslu tar-Renju Unit fl-Alġier, ispirat bir-rakkont ta' Bruce, żar is-sit. Fl-1877 Playfair iddeskriva lil Timgad f'iktar dettall fil-ktieb tiegħu Travels in the Footsteps of Bruce in Algeria and Tunis (Vjaġġi fil-Passi ta' Bruce fl-Alġerija u f'Tuneż). Skont Playfair, "Dawn l-għoljiet huma miksijin b'bosta fdalijiet megalitiċi tassew interessanti".[9] Il-kolonjalisti Franċiżi ħadu l-kontroll tas-sit fl-1881, bdew l-investigazzjonijiet u ħadu ħsieb is-sit sal-1960. Matul dan il-perjodu, is-sit ġie skavat b'mod sistematiku.[10]

Veduta panoramika tal-fdalijiet ta' Timgad.
Mappa tas-sit arkeoloġiku.

Il-belt tinsab f'salib sitt toroq, u hija mdawra bil-ħitan iżda mhijiex iffortifikata. Oriġinarjament kienet iddisinjata għal popolazzjoni ta' madwar 15,000 ruħ, iżda f'qasir żmien il-belt kibret iktar mill-ispeċifikazzjonijiet oriġinali tagħha u nfirxet lil hinn mill-grilja ortogonali b'mod inqas organizzat.

Fi żmien l-istabbiliment tagħha, l-inħawi ta' madwar il-belt kienu żona agrikola għammiela ta' madwar 1,000 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar.

Il-pjanta Rumana oriġinali b'għamla ta' grilja hija viżibbli ferm fid-disinn ortogonali, b'enfasi fuqha permezz tad-decumanus maximus (it-triq orjentata mil-Lvant għall-Punent) b'kolonni Korinzji rrestawrati parzjalment fuq kull naħa. Il-cardo ma tgħaddix għalkollox san-naħa l-oħra tal-belt iżda minflok tintemm f'forum f'salib it-toroq mad-decumanus.

Fit-tarf tal-Punent tad-decumanus hemm arkata trijonfali għolja 12-il metru, imsejħa l-Arkata ta' Trajanu, li ġiet irrestawrata parzjalment fl-1900. L-arkata hija magħmula prinċipalment mill-ġebel ramli, b'ordni Korinzju bi tliet ħnejjiet, b'dik ċentrali wiesgħa 11-il pulzier. L-arkata hija magħrufa wkoll bħala l-Arkata ta' Timgad.

Hemm ukoll teatru li jesa' 3,500 ruħ bilqiegħda li jinsab f'kundizzjoni tajba u għadu jintuża għal produzzjonijiet kontemporanji. Il-binjiet ewlenin l-oħra jinkludu erba' banjijiet termali, librerija u bażilika.

It-Tempju Kapitolin huwa ddedikat lil Ġunone u bejn wieħed u ieħor għandu l-istess daqs tal-Panteon f'Ruma. Qrib it-tempju hemm knisja kwadra, b'apsida ċirkolari li tmur lura għas-seklu 7 W.K. Wieħed mis-santwarji kellu ikonografija ta' (Dea) Afrika. Fin-Nofsinhar tal-belt hemm ċittadella Biżantina kbira li nbniet iktar 'il quddiem.[11]

Veduta tal-fdalijiet ta' Timgad.

Il-Librerija ta' Timgad kienet rigal lill-poplu Ruman minn Ġulju Kwintjanu Flavju Rogazjanu u kien jiswa 400,000 sesterces. Peress li ma nstabet l-ebda informazzjoni addizzjonali dwar dan il-benefattur, id-data preċiża tal-kostruzzjoni tal-librerija għadha mhix ċerta. Abbażi ta' evidenza arkeoloġika oħra, ġie ssuġġerit mill-istudjużi li tmur lura għall-aħħar tas-seklu 3 jew possibbilment għas-seklu 4.

Il-librerija tokkupa spazju rettangolari twil 81 pied (25 metru) u wiesa' 77 pied (23 metru). Tikkonsisti minn kamra semiċirkolari kbira u maġenbha żewġ kmamar rettangolari sekondarji, u qabilha portiku bil-kolonni f'għamla tal-ittra U madwar it-tliet naħat ta' spazju fil-beraħ. Maġenb il-portiku hemm żewġ kmamar dojoq twal fuq kull naħa, u s-sala l-kbira bil-volti x'aktarx li kienet tintuża bħala kamra għall-qari, bħala maħżen, jew bħala kamra tal-għoti tal-lekċers. Alkovi rettangolari kienu jirfdu xkafef tal-injam mal-ħitan li x'aktarx kienu jkunu kompluti bil-ġnub, bl-injam fuq wara u bil-bibien, abbażi ta' evidenza addizzjonali li nstabet fil-Librerija f'Efesu, it-Turkija.

Jista' jkun li kien hemm xkafef weqfin fiċ-ċentru tal-kamra li ma kienu jserrħu ma mkien. Filwaqt li l-arkitettura tal-Librerija ta' Timgad ma tantx hi notevoli, l-iskoperta tal-librerija hija storikament importanti għaliex turi l-preżenza ta' sistema ta' librerija żviluppata għalkollox f'din il-belt Rumana, u tindika standard għoli ta' tagħlim u ta' kultura. Filwaqt li ma hemm l-ebda evidenza x'kien id-daqs tal-kollezzjoni tal-librerija, huwa stmat li seta' kellha sa 3,000 parċmina.[12]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Timgad ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Timgad". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-23.
  2. ^ Haddadou, Mohand Akli (2012). Dictionnaire toponymique et historique de l'Algérie: comportant les principales localités, ainsi qu'un glossaire des mots arabes et berbères entrant dans la composition des noms de lieux (bil-Franċiż). Tizi Ouzou: Achab. p. 529. ISBN 9789947972250.
  3. ^ Gascou, Jacques (1972). "La politique municipale de l'empire romain en Afrique proconsulaire de Trajan à Septime-Sévère". Publications de l'École française de Rome. 8 (1): 97–100.
  4. ^ Hitchner, R. Bruce (2022). A Companion to North Africa in Antiquity. John Wiley & Sons. pp. 183–186. ISBN 978-1-4443-5001-2.
  5. ^ Dorling-Kindersley (2023). Ancient Rome: The Definitive Visual History. Penguin. p. 383. ISBN 978-0-7440-8586-0.
  6. ^ "Buried in Sand for a Millennium: Africa's Roman Ghost City" (bl-Ingliż). 2020-01-16. Miġbur 2023-10-23.
  7. ^ Tilley, Maureen A. The Bible in Christian North Africa: The Donatist World. Fortress Press. p. 135. ISBN 978-1-4514-1452-3.
  8. ^ Rosser, John H. (2001). Historical Dictionary of Byzantium. Scarecrow Press. p. 382. ISBN 978-0-8108-6621-8.
  9. ^ Playfair, R. Lambert (Robert Lambert) (1877). Travels in the footsteps of Bruce in Algeria and Tunis : illustrated by facsimiles of his original drawings. Getty Research Institute. Londra: C. Kegan Paul.
  10. ^ Montoya, Rubén: The Sahara buried this ancient Roman city—preserving it for centuries, National Geographic, it-30 ta' Lulju 2019.
  11. ^ Akerraz, Aomar (2006). L'Africa romana : mobilità delle persone e dei popoli, dinamiche migratorie, emigrazioni ed immigrazioni nelle province occidentali dell'Impero romano : atti del XVI Convegno di studio, Rabat, 15–19 dicembre (1st ed.). Ruma: Carocci. ISBN 8843039903.
  12. ^ Pfeiffer, H. (1931). The Roman Library at Timgad. Memoirs of the American Academy in Rome, 9, 157–165.