Robert Fico
Ma għandux jitfixkel mal-eks President tal-Kamra tad-Deputati Taljan Roberto Fico.
Robert Fico (bis-Slovakk: [ˈrɔbert ˈfitsɔ]; li twieled fil-15 ta' Settembru 1964) huwa politiku Slovakk li attwalment huwa l-Prim Ministru tas-Slovakkja mill-2023. Huwa ġa kien Prim Ministru tal-pajjiż mill-2006 sal-2010 u mill-2012 sal-2018. Huwa stabbilixxa l-partit Direzzjoni – Demokrazija Soċjali (Smer–SD) fl-1999 u kien il-mexxej ta' dak il-parti mill-bidu nett tiegħu. Fico għandu r-rekord bħala l-iżjed persuna li damet isservi bħala Prim Ministru fl-istorja tal-pajjiż, peress li serva għal iktar minn 10 snin. Ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1992, is-sena ta' wara nħatar bħala membru fid-delegazzjoni Ċekoslovakka tal-Assemblea Parlamentari għall-Kunsill tal-Ewropa. Wara r-rebħa tal-partit tiegħu fl-elezzjoni parlamentari tal-2006, huwa fforma l-ewwel kabinett tiegħu. Il-fehmiet politiċi tiegħu ġew deskritti bħala populisti.
Wara l-elezzjoni parlamentari tal-2010, Fico kien membru parlamentari u kap tal-oppożizzjoni. Wara mozzjoni ta' sfiduċja kontra l-kabinett ta' Iveta Radičová, Fico reġa' nħatar bħala Prim Ministru wara li mexxa lil Smer lejn rebħa elettorali bi tkaxkira fl-elezzjoni parlamentari tal-2012, fejn rebaħ 83 siġġu u fforma gvern b'maġġoranza assoluta fil-Parlament, l-ewwel wieħed b'tali tiswira mill-1989.[1] Fl-2013, Fico ddikjara l-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni presidenzjali tal-2014. Fico tilef l-elezzjoni kontra r-rivali politiku tiegħu Andrej Kiska fit-tieni rawnd tal-votazzjoni fid-29 ta' Marzu 2014.[2] F'Marzu 2018, fid-dawl tal-kriżi politika wara l-qtil ta' Ján Kuciak, Fico ta r-riżenja tiegħu lil Kiska, li mbagħad inkariga lid-Deputat Prim Ministru Peter Pellegrini biex jifforma gvern ġdid.[3][4]
Matul l-elezzjoni parlamentari tal-2023, Fico wiegħed li kien se jtemm l-appoġġ militari għall-ġar tas-Slovakkja, l-Ukrajna, wara l-invażjoni tagħha mir-Russja.[5][6] Il-partit tiegħu Smer rebaħ 22.95 % tal-voti u tella' 42 siġġu, u b'hekk sar l-ikbar partit.[7] Fico fforma koalizzjoni ma' Vuċi – Demokrazija Soċjali (Hlas), partit li ġie stabbilit fl-2020 minn Pellegrini u dissidenti oħra ta' Smer ta' Fico, u mal-Partit Nazzjonali Slovakk, u beda r-raba' mandat tiegħu bħala Prim Ministru fil-25 ta' Ottubru 2023. Il-gvern ta' Fico temm l-għajnuna militari għall-Ukrajna,[8] ħa azzjoni biex jikseb iktar kontroll tal-mezzi tax-xandir, u abolixxa l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali li kien jindirizza l-korruzzjoni.[9] Dawn il-mossi politiċi qanqlu protesti tal-massa.[10]
Fil-15 ta' Mejju 2024, Fico spiċċa l-isptar wara tentattiv ta' assassinju kontrih. Wara rapporti inizjali dwar il-kundizzjoni tiegħu "fejn kien qed jilgħabha bejn ħajja u mewt",[11] sarlu intervent kirurġiku ta' emerġenza u mistenni li jaqleb għall-aħjar.[12][13]
Ħajja bikrija u edukazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Fico twieled fil-15 ta' Settembru 1964, fir-raħal ta' Topoľčany fir-Reġjun tal-Majjistral ta' Nitra. Missieru, Ľudovit Fico, kien operatur tal-forklifters, u ommu, Emilie Ficová, kienet taħdem f'ħanut taż-żraben. Huwa għandu żewġ aħwa. Ħuh Ladislav huwa imprenditur fil-qasam tal-kostruzzjoni u oħtu Lucia Chabadová, li hija iżgħar minnu b'erbatax-il sena, hija prosekutur. Fico trabba u għex ma' familtu fil-villaġġ ta' Hrušovany, sal-età ta' sitt snin, meta mbagħad familtu marret tgħix fir-raħal fil-qrib ta' Topoľčany.
Fico ddeskriva l-ambizzjonijiet tiegħu fi tfulitu bħala li ried isir politiku, ġurnalist sportiv jew arkeologu. Wara li lesta l-iskola primarja, huwa nkiteb fil-Liċeo lokali ta' Topoľčany, u lesta l-istudji tiegħu fis-sajf tal-1982. Iktar tard f'dik is-sena huwa nkiteb fil-Fakultà tad-Dritt tal-Università ta' Comenius f'Bratislava, f'dik li dak iż-żmien kienet iċ-Ċekoslovakkja. L-għalliema tiegħu kienu impressjonati bih, u għalliem mill-università tiegħu, il-Prim Ministru futur Jozef Moravčík, iddeskrivih bħala "ambizzjuż, kunfidenti ħafna u involut ferm fid-diskussjonijiet". Huwa ggradwa bħala avukat fl-1986 u speċjalizza fid-dritt kriminali.
Wara li ggradwa mill-università, Fico lesta l-lieva militari obbligatorja tiegħu bħala assistent investigatur militari, stazzjonat fir-raħal ta' Janovice (issa fiċ-Ċekja), bejn l-1986 u l-1987. Iktar 'il quddiem huwa ħadem għall-Istitut Statali tad-Dritt tal-Akkademja Slovakka tax-Xjenzi, kif ukoll mal-Ministeru għall-Ġustizzja sal-1992. Matul dan il-perjodu huwa kiseb id-dottorat tiegħu, b'teżi dwar Il-Piena tal-Mewt fiċ-Ċekoslovakkja. Fil-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20, huwa studja fl-Iskola tal-Istudji Slavi u tal-Lvant tal-Ewropa f'Londra, ir-Renju Unit, permezz ta' borża ta' studju Masaryk. Fl-2002 huwa lesta l-istudju postgradwatorju tiegħu u b'hekk sar professur.
Karriera bikrija (1992–2006)
[immodifika | immodifika s-sors]Fico ngħaqad mal-Partit Komunista taċ-Ċekoslovakkja fl-1986, wara li applika fl-1984. Wara r-Rivoluzzjoni tal-Bellus tal-1989, u l-kollass tar-reġim Komunista fiċ-Ċekoslovakkja, Fico ngħaqad mal-Partit tax-Xellug Demokratiku (SDĽ), suċċessur tal-Partit Komunista tas-Slovakkja. Huwa ġie elett għall-ewwel darba bħala Membru Parlamentari fl-1992. Mill-1994 sas-sena 2000 Fico rrappreżenta s-Slovakkja bħala l-konsulent legali tal-pajjiż fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iżda tilef l-14-il kawża kollha li ħa ħsieb. Fl-1998, huwa ġie elett Viċi President tal-partit. Iktar 'il quddiem fl-1998, Fico kkontesta għall-kariga tal-prosekutur ġenerali; il-partit tiegħu appoġġa lil kandidat ieħor minfloku, peress li kien tal-fehma li Fico kien għadu żgħir wisq.
Fl-elezzjonijiet tal-1998 meta waqa' l-gvern ta' Vladimír Mečiar, Fico kiseb l-ikbar numru ta' voti preferenzjali fost il-kollegi tal-partit tiegħu. Sena wara, meta l-appoġġ għall-SDĽ niżel taħt il-livell limitu meħtieġ biex jidħol fil-parlament, huwa telaq mill-partit, u qal li kien diżappuntat bil-mod kif kien ħadem il-gvern. Diġà mill-ħarifa tal-1998, grupp ta' erba' persuni magħmul minn Fico, l-assistent tiegħu Frantisek Határ, l-istratega politiku Fedor Flašík, u l-eżekuttiv tal-mezzi tax-xandir Monika Flašíková-Beňová kienu bdew jiddiskutu u jfasslu l-pjanijiet għat-tnedija ta' partit politiku ġdid tax-Xellug. Dawn il-pjanijiet kienu xprunati min-nuqqas ta' popolarità tal-partiti eżistenti, u miż-żieda fil-popolarità ta' Fico.
Kważi minnufih wara li telaq mill-SDĽ, il-grupp stabbilixxa Direzzjoni – Demokrazija Soċjali (SMER), li Fico ttikketta bħala partit alternattiv, u sar il-mexxej tiegħu. Fico stabbilixxa lilu nnifsu bħala politiku tal-oppożizzjoni u kkritika r-riformi mhux popolari tal-gvern tal-Lemin ta' Mikuláš Dzurinda. Sabiex jiżgura li SMER ma jkollux l-istess destin tal-partit preċedenti tiegħu, Fico introduċa sett rigoruż ta' regolamenti għall-partit il-ġdid tiegħu, imsejjaħ il-politika tal-"idejn nodfa". Ir-regolamenti stipulaw li ħadd b'rabtiet mar-reġim Komunista preċedenti jew bi sfond ma' partiti politiċi oħra ma seta' jidħol fil-partit. B'hekk inħolqot ġenerazzjoni ġdida ta' politiċi li ma kinux involuti fl-iskandli tal-korruzzjoni preċedenti; fosthom kien hemm Monika Flašíková-Beňová, Robert Kaliňák u Pavol Paška. Regolament ieħor kien li kull entità tal-partit fil-livelli reġjonali u lokali kellha tkun 100 % awtosuffiċjenti finanzjarjament, u d-donazzjonijiet finanzjarji kollha kellhom ikunu pubbliċi.
Bejn l-2002 u l-2006, Smer kien il-partit prinċipali fl-oppożizzjoni fil-Parlament Slovakk. Fl-2004, ingħaqad mal-partiti kważi kollha tax-Xellug li kienu attivi fix-xena politika Slovakka, inkluż il-partit ewlieni SDĽ, u b'hekk sar l-iżjed partit politiku uniku dominanti fis-Slovakkja.
L-ewwel mandat bħala Prim Ministru (2006–2010)
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-elezzjoni parlamentari Slovakka tal-2006, SMER rebaħ b'29.1 % tal-voti. Ir-rebħa elettorali waslet wara kampanja ffukata fuq it-tneħħija tar-riformi ferm mhux popolari tal-awsterità fi ħdan is-setturi tal-kura tas-saħħa u tal-edukazzjoni, riformi li kienu tressqu mill-eks ministri Rudolf Zajac u Martin Fronc. Sussegwentement ġie ffurmat gvern ta' koalizzjoni mal-Partit Popolari – Moviment għal Slovakkja Demokratika (HZDS) ta' Vladimír Mečiar u mal-Partit Nazzjonali Slovakk (SNS) ta' Ján Slota. SNS huwa partit populista tal-Lemin li ilu magħruf għall-kummenti tiegħu kontra r-Rom u l-Ungeriżi, inkluż diskors pubblika fis-sakra ta' Ján Slota, fejn hedded li kien "se jdaħħal it-tankijiet tal-gwerra u jeqred kompletament lil Budapest".
Parti kbira mir-rebħa elettorali ta' Fico fl-2006 kienet attribwita għall-kritika voċifera tar-riformi ekonomiċi, fiskali, soċjali, tal-pensjoni u leġiżlattivi preċedenti tal-gvern tal-Lemin, li kienu ġew appoġġati minn korpi internazzjonali bħall-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Dinji, u l-OECD. Reazzjoni għall-koalizzjoni wasslet mill-Partit tas-Soċjalisti Ewropej (PES), li ssospenda l-applikazzjoni ta' SMER biex jissieħeb mal-PES. Fl-aħħar ta' Frar 2008, l-Assemblea tal-PES reġgħet ammettiet l-applikazzjoni kondizzjonalment wara li kemm SMER kif ukoll SNS iffirmaw ittra li permezz tagħha impenjaw ruħhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-minoranzi. Fico qatt ma kkundanna r-rimarki u d-diskors tal-SNS b'mod pubbliku, u r-relazzjonijiet fil-livell ta' gvern bejn is-Slovakkja u l-Ungerija marru għall-agħar fl-ewwel mandat ta' Fico. Diversi laqgħat bejn il-Prim Ministri taż-żewġ pajjiżi ġew ikkanċellati ħesrem, u l-ftit li saru rriżultaw f'mhux wisq titjib fir-relazzjonijiet.
Fl-10 ta' April 2007, il-viċi direttur tal-Fond tal-Artijiet Slovakki u n-nominat tal-HZDS Branislav Bríza ffirma kuntratt li abbażi tiegħu ċittadini mil-Lvant tas-Slovakkja saru s-sidien ta' art bi qliegħ fil-villaġġ ta' Veľký Slavkov. Dawn malajr bigħu l-art lill-kumpanija GVM għal 13-il miljun kuruna Slovakka (il-munita Slovakka qabel l-ewro). L-esponent ewlieni tal-kumpanija kien ħabib ta' Mečiar Milan Bališ. Bríza għamel dan sakemm il-kap tiegħu Hideghéty kien qiegħed fuq btala. L-10 ta' April kien l-aħħar jum meta Bríza kellu s-setgħa sħiħa li jaġixxi f'isem il-kap tiegħu fl-assenza tiegħu. Dan kien is-seba' kuntratt suspettuż li ffirma sa dak iż-żmien. Tali prattiki qabel kienu ġew ikkritikati minn Fico għaliex kienu komuni meta kien sieħeb tal-mexxej Mečiar tal-HDZS fil-koalizzjoni. Dan l-iskandlu kważi wassal biex il-koalizzjoni tisfaxxa. Wassal biex il-Ministru għall-Agrikoltura tal-HDZS Miroslav Jureňa jirriżenja. Fico talab biex Bríza jirriżenja wkoll. Il-ħsara stmata għall-istat kienet tammonta għal nofs biljun kuruna Slovakka. Is-sentenza ġudizzjarja ngħatat fit-8 ta' Settembru 2015 meta Bríza nstab ħati u ġie kkundannat għal sentejn ħabs sospiżi.
Mexxej tal-Oppożizzjoni (2010–2012)
[immodifika | immodifika s-sors]Qabel l-elezzjoni tal-2010, il-partit ta' Fico kien f'pożizzjoni relattivament b'saħħitha skont diversi stħarriġ; madankollu, eżatt qabel l-elezzjoni, faqqa' skandlu politiku, li ġie deskritt bħala wieħed mill-iktar gravi fil-pajjiż fl-istorja tiegħu ta' 17-il sena. Feġġet reġistrazzjoni ta' diskors, b'vuċi simili għal dik ta' Fico, fejn sostna li akkumula diversi miljuni ta' ewro f'fondi mhux dikjarati għall-elezzjoni tal-2002, kif ukoll sejjaħ għal "struttura finanzjarja parallela" biex tinħoloq għall-finanzjament tal-kampanja elettorali ta' Smer. Sorsi tal-mezzi tax-xandir Slovakki, bħal Sme, ħarġu l-aħbar dwar ir-reġistrazzjoni b'dettall kbir; iżda Fico sostna li l-vuċi ma kinitx tiegħu.
Fico attakka s-sorsi tal-mezzi tax-xandir li ppubblikaw informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni, u qal: "Missni niġi hemm u nagħtikom daqqa ta' ħarta għax intom mill-agħar? Dak li qed tagħmlu huwa bla preċedent. Qed timmasturbaw fuq il-Prim Ministru kuljum". Sme ħabbar li Fico kien ġie interpellat rigward din il-kwistjoni. L-eks Ministru għall-Ġustizzja Daniel Lipšic qal lill-istampa li huwa "għadda r-reġistrazzjoni lill-uffiċċju tal-avukat ġenerali". Barra minn hekk, SMER ta' Fico baqa' l-ikbar partit fil-Parlament, bi 62 siġġu, filwaqt li sħabu tal-koalizzjoni naqsu ferm, u l-HZDS saħansitra spiċċaw bla siġġu. Minħabba li ma rnexxilux isib xi ħadd sħab biex ikollu l-14-il siġġu li kellu bżonn biex ikompli jmexxi, Fico rriżenja. Huwa stqarr li "jirrispetta r-riżultat elettorali", u esprima x-xewqa tiegħu li jmexxi oppożizzjoni kompatta wara t-telfa li ġarrab bi żbrixx.
It-tieni mandat bħala Prim Ministru (2012–2018)
[immodifika | immodifika s-sors]Elezzjoni parlamentari tal-2012
[immodifika | immodifika s-sors]Wara l-waqgħa tal-gvern ta' koalizzjoni Ċentru-Lemini li kien ħadlu postu, Smer-SD ta' Fico reġa' kiseb il-poter bħala l-ewwel partit mill-isfaxxar taċ-Ċekoslovakkja li rebaħ maġġoranza assoluta ta' siġġijiet. Fico inizjalment ipprova jifforma gvern ta' unità nazzjonali ma' SDKU jew KDH. Meta dan falla, huwa fforma l-ewwel gvern b'partit wieħed fis-Slovakkja mill-1993.
Elezzjoni presidenzjali tal-2014
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-18 ta' Diċembru 2013, Fico ħabbar uffiċjalment il-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni presidenzjali tal-2014. Huwa stqarr: "Il-kandidatura tiegħu hija ta' servizz għas-Slovakkja". Huwa sostna li l-kandidatura tiegħu ma kinitx xi avventura, ħarba jew tentattiv li jżewwaq il-karriera politika tiegħu. Il-kampanja tiegħu saret bil-motto "Lest għas-Slovakkja". Fid-9 ta' Jannar 2014, il-Parlament Slovakk, taħt l-iSpeaker Pavol Paška, approva uffiċjalment il-kandidaturi ta' Fico u ta' 14-il kandidat ieħor. Fico tilef kontra l-kandidat indipendenti Andrej Kiska, li permezz tal-appoġġ mil-Lemin Slovakk rebaħ b'marġni wiesa' (bejn wieħed u ieħor 59 %–41 %) fit-tieni rawnd tal-votazzjoni fid-29 ta' Marzu 2014.
Elezzjoni parlamentari tal-2016
[immodifika | immodifika s-sors]Il-partit ta' Fico rebaħ l-elezzjoni parlamentari tal-2016, u kiseb pluralità ta' siġġijiet; għalkemm ma rnexxilux jirbaħ maġġoranza. Fis-7 ta' Marzu 2016, Andrej Kiska, il-President tas-Slovakkja ta' dak iż-żmien, stieden lil kull partit elett, bl-eċċezzjoni ta' Kotleba – il-Partit Popolari tas-Slovakkja Tagħna, għal taħditiet postelettorali. Fico ngħata l-ewwel opportunità mill-President biex jifforma koalizzjoni stabbli. Fis-17 ta' Marzu, Fico informa lil Kiska li kien se jifforma gvern ta' koalizzjoni magħmul minn erba' partiti, inkluż Smer–SD, il-Partit Nazzjonali Slovakk, Most–Híd u Network.
Riżenja
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-14 ta' Marzu 2018, Fico ddikjara pubblikament li kien lest jixħet ir-riżenja tiegħu bħala Prim Ministru sabiex jevita elezzjoni mhux imħabbra, kif ukoll biex "isolvi l-kriżi politika" li kienet tinvolvi l-qtil tal-ġurnalist investigattiv Ján Kuciak. Kuciak eżamina wkoll ix-xogħol tal-'Ndrangheta Taljana fis-Slovakkja. Skont il-pulizija, Mária Trošková, assistenta ta' Fico, seta' kellha rabtiet mal-'Ndrangheta. Eżatt wara li seħħ ir-reat, Fico implika li kien ħa l-kontroll personali tal-investigazzjoni u ppoża b'miljun ewro fi flus kontanti. Dak iż-żmien, huwa qal li ried jagħti direzzjoni ċara pro-Ewropea u pro-NATO lill-partit tiegħu. Qabel, f'Marzu, Fico kien akkuża lill-President Kiska li kkonfoffa ma' George Soros biex iwaqqa' l-gvern tiegħu.
It-tħabbira ta' Fico waslet wara laqgħa mal-President Kiska. F'dik il-laqgħa, Fico stabbilixxa għadd ta' kundizzjonijiet speċifiċi li kellhom jiġu ssodisfati mill-President biex hu jirriżenja. Dawk il-kundizzjonijiet, fost l-oħrajn, kienu li r-riżultat tal-elezzjoni parlamentari Slovakka tal-2016 jiġi rrispettat, li l-gvern ta' koalizzjoni ta' dak iż-żmien ikompli, u li Smer-SD bħala l-ikbar partit fil-parlament dak iż-żmien, isemmi l-Prim Ministru ta' warajh. Fico stqarr li diġà kellu kandidat f'moħħu. Il-mezzi tax-xandir Slovakki rrapportaw b'mod wiesa' li l-Prim Ministru li jmiss kien se jkun id-Deputat Prim Ministru Peter Pellegrini. Fil-15 ta' Marzu, il-President Kiska aċċetta formalment ir-riżenja tal-Prim Ministru Fico u tal-kabinett tiegħu, u mbagħad inkariga lil Pellegrini biex jifforma gvern ġdid.
Kriżi politika (2018–2022)
[immodifika | immodifika s-sors]Fico qatta' għadd ta' snin ta' kriżi fil-fehma politika tiegħu wara li rriżenja fl-2018.
It-tielet mandat bħala Prim Ministru (2023–preżent)
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2022 u fl-2023, Fico kkritika ferm it-tmexxija ta' Von der Leyen fil-Kummissjoni Ewropea u l-politiki barranin u militari tagħha b'rabta mal-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Huwa esprima wkoll nuqqas ta' qbil mal-Kummissjoni Ewropea fi kwistjonijiet ta' immigrazzjoni. Fl-istess ħin, huwa baqa' jfaħħar u jappoġġa lill-eks kandidat presidenzjali tal-partit tiegħu u l-kandidat għal Kummissarju Ewropew Maroš Šefčovič. Il-kampanja tiegħu għal Prim Ministru kienet ibbażata fuq dawn l-aspetti kollha. Il-kabinett il-ġdid ta' Fico ħa l-ġurament fil-25 ta' Ottubru 2023. Fico attenda summit ta' jumejn tal-Unjoni Ewropea li beda l-għada. Fl-2023, Fico rrefera għall-adozzjoni minn koppji tal-istess sess bħala perversa, u stqarr li qatt ma kien se jappoġġa ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Huwa qal li "l-ideoloġija tal-ġeneri fl-iskejjel hija inaċċettabbli".
Il-koalizzjoni mmexxija minn Fico għaddiet liġi biex jingħalaq l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali, li kien indirizza korruzzjoni serja. L-investigazzjonijiet mill-uffiċċju kienu wasslu għal bosta każijiet u kundanni ta' korruzzjoni ta' profil għoli, bosta minnhom li kienu jinvolvu lil membri parlamentari, membri tal-partit u sħab kummerċjali ta' Fico. Il-bidliet kienu jinkludu wkoll tnaqqis fil-piena għall-korruzzjoni. Il-koalizzjoni fit-tmun ħaffet l-emendi mill-parlament, limitat il-ħin għad-dibattitu u pprevjeniet li l-abbozz ta' liġi jiġi rieżaminat mill-esperti u minn oħrajn involuti fil-proċess. Il-bidliet ġew opposti mill-President u mill-oppożizzjoni Slovakki, u qanqlu protesti kbar fis-Slovakkja.
Il-gvern ta' Fico ħa wkoll kontroll ikbar tal-mezzi tax-xandir. Skont il-pjanijiet, in-network pubbliku attwali tar-radju u tat-televiżjoni RTVS se jiġi sostitwit b'organizzazzjoni ġdida, ikkontrollata minn kunsill maħtur mill-gvern. Dan ġie kkundannat bħala attakk fuq il-libertà tal-istampa mill-President Zuzana Caputova, mill-ġurnalisti lokali, mill-oppożizzjoni, mill-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-mezzi tax-xandir, mill-Kummissjoni Ewropea u minn oħrajn, li wissew li l-bidliet kienu se jagħtu kontroll sħiħ tax-xandir pubbliku Slovakk tat-televiżjoni u tar-radju lill-gvern. Dan il-bidliet proposti wasslu wkoll għal protesti tal-massa.
Tentattiv ta' assassinju
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-15 ta' Mejju 2024, għall-ħabta tas-14:30 (2:30 PM), Fico ndarab f'sparatura f'Handlová, is-Slovakkja, quddiem id-Dar tal-Kultura tal-belt wara laqgħa tal-gvern, u sussegwentement ittieħed l-isptar fl-Isptar F.D. Roosevelt f'Banská Bystrica. Poeta ta' 71 sena jismu Juraj Cintula nżamm minnufih mill-pulizija bħala suspettat primarju. Ġie rrapportat li Fico kien qed "jilgħabha bejn il-ħajja u l-mewt" wara l-attakk, u li ġarrab ġrieħ f'żaqqu, f'dirgħajh u f'riġlejh, iżda l-qagħda tiegħu saret stabbli wara intervent kirurġiku ta' emerġenza, u skont id-Deputat Prim Ministru Tomáš Taraba huwa mistenni li jirkupra.
Politiċi anzjani mill-koalizzjoni mmexxija minn Fico taw it-tort lill-mezzi tax-xandir indipendenti u lill-oppożizzjoni għat-tentattiv ta' assassinju, u allegaw li influwenzaw lil min wettaq l-attakk. Il-ġurnalisti u l-mexxejja tal-oppożizzjoni Slovakki beżgħu li l-gvern seta' juża t-tentattiv tal-assassinju biex jeħodha qatta' bla ħabel kontrihom. L-attakk ġie kkundannat b'mod unanimu mill-Kunsill Nazzjonali.
Politika domestika
[immodifika | immodifika s-sors]Falliment fir-regolamentazzjoni dwar il-prezzijiet tal-ikel
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2007, Fico ma rnexxilux jirregola l-prezzijiet bl-imnut tal-ikel, sforz bla preċedent f'suq ġeneralment ħieles tal-Unjoni Ewropea.
Tentattivi ta' nazzjonalizzazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]F'Awwissu 2008, Fico hedded lill-azzjonisti barranin tad-distributur lokali tal-gass SPP (il-Gaz de France Franċiż u l-E.ON Ġermaniż) bin-nazzjonalizzazzjoni tas-sussidjarji tagħhom u bis-sekwestru tal-ishma tas-sjieda tagħhom f'diżgwid dwar il-prezzijiet bl-imnut tal-gass.
Ħajja personali
[immodifika | immodifika s-sors]Fico huwa miżżewweġ ma' Svetlana Ficová (kunjomha xebba Svobodová), avukata u professur minn Žilina. Huma kienu studenti fl-istess klassi meta studjaw id-dritt fl-Università ta' Comenius f'Bratislava, u żżewġu fl-1988. Flimkien kellhom lil binhom, Michal, li studja fl-Università tax-Xjenza Ekonomika f'Bratislava. Apparti ilsien twelidu, is-Slovakk, Fico għandu ħakma tajba tal-Ingliż u tar-Russu.
Fico qajla ddiskutu l-ħajja reliġjuża tiegħu fil-pubbliku. Fl-applikazzjoni tiegħu biex jissieħeb mal-Partit Komunista taċ-Ċekoslovakkja fl-1984, Fico ddikjara li kien "strettament ateu", xi ħaġa li kienet meħtieġa biex jiġi aċċettat. Skont l-istqarrija mehmuża mal-applikazzjoni mill-kulleġġ, huwa kellhu "fehma xjentifika Marxista-Leninista" u "l-ebda problema fir-rigward tar-reliġjon".
F'filmat promozzjonali matul il-kampanja tal-elezzjoni presidenzjali fl-2014, Fico qal li trabba f'familja Kattolika u li jqis lilu nnifsu bħala Kattoliku. Huwa ddiskuta l-magħmudija, it-tqarbin u l-griżma tiegħu, u kif il-fidi Kattolika tiegħu kellha impatt fuq tfulitu. Huwa stqarr: "X'aktarx li kieku l-profil tiegħu nagħmlu mehmuż mal-Knisja Kattolika, nispiċċa ferm aħjar minn kwalunkwe Membru Parlamentari ieħor tal-KDH". Huwa ddeskriva wkoll li trabba ma' nannuh, raġel li "kien jirrispetta b'mod rigoruż ir-regoli tal-ħajja Kristjana standard", u stqarr li dan kellu impatt kbir fuqu. Patrik Dubovský, storiku u eks riċerkatur tal-Istitut Nazzjonali tal-Memorja, dan iqisu bħala tentattiv ta' manipolazzjoni tal-opinjoni pubblika minħabba li "din l-istqarrija kienet f'kunflitt dirett mas-sħubija fil-Partit Komunista, li l-programm politiku tiegħu kien ibbażat fuq l-ateiżmu". Matul il-perjodu Komunista, in-nies attivi reliġjożament kienu jiġu ppersegwitati sew, speċjalment wara r-repressjoni tal-Karta 77.
Matul dibattitu televiżiv, Fico rrifjuta li jwieġeb mistoqsija ta' preżentatur televiżiv dwar jekk kienx Kristjan jew ateu, u qal li għalih kienet kwistjoni privata. Fir-rigward tas-sagramenti, Fico qal li tgħammed meta kien tarbija u ngħata wkoll l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma wara, bħalma kien ikun il-każ b'kull tifel u tifla li trabbew f'raħal twelidu.
Allegati relazzjonijiet barra ż-żwieġ
[immodifika | immodifika s-sors]F'Awwissu 2010, feġġew ritratti ta' Fico għall-ħabta ta' nofsillejl f'bar tal-omosesswali fiċ-ċentru ta' Bratislava flimkien ma' mara, li iktar 'il quddiem ħareġ li kienet Jana Halászová, segretarja ta' 25 sena tal-kwartieri ġenerali tal-partit Smer-SD. Iktar 'il quddiem ġie żvelat li Halászová kienet ingħatat privileġġi estensivi, fosthom il-post tal-parkeġġ personali tagħha fil-parkeġġ tal-Parlament, mingħajr ma kienet membru. Barra minn hekk, kemm oħtha kif ukoll ommha tar-rispett kienu ngħataw impjiegi ma' diversi ministeri.
F'Awwissu 2013, feġġew ritratti ta' Fico jitgħannaq u jitbewwes mas-segretarja tiegħu Halászová, wara li ħareġ magħha għal ċena privata f'binja lussuża f'Čereňany, 160 kilometru minn Bratislava. Ir-ritratti qanqlu bosta spekulazzjonijiet oħra dwar in-natura reali tar-relazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar jekk kienx uża fondi pubbliċi biex iħallas għaċ-ċena.
Fl-2020, il-ġurnal Slovakk Denník N identifika lil Katarína Szalayová bħala l-maħbuba ta' Fico barra ż-żwieġ. Kellha karozza lussuża li kienet tiswa madwar €40,000, anke jekk is-salarju tagħha fix-xahar bħala impjegata tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni kien ta' madwar €600 fix-xahar. Wara li telqet mill-uffiċċju tal-prosekuzzjoni, Szalayová ngħatat impjieg fid-ditta tad-dritt ta' Robert Kaliňák, l-eks Deputat Prim Ministru fil-kabinetti ta' Fico u membru attwali tal-presidju tal-partit SMER–SD.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a.s, Petit Press. "Who is Robert Fico?". spectator.sme.sk (bl-Ingliż). Miġbur 2024-05-30.
- ^ a.s, Petit Press. "Kiska becomes president (UPDATED)". spectator.sme.sk (bl-Ingliż). Miġbur 2024-05-30.
- ^ a.s, Petit Press. "Fico podá demisiu, novým premiérom môže byť Pellegrini (minúta po minúte)". domov.sme.sk (bl-Islovakk). Miġbur 2024-05-30.
- ^ Heijmans, Philip. "Slovakia PM resigns amid outcry over reporter's murder". Al Jazeera (bl-Ingliż). Miġbur 2024-05-30.
- ^ Chen, Ivana Kottasová,Sophie Tanno,Heather (2023-10-01). "Pro-Russian politician wins Slovakia's parliamentary election". CNN (bl-Ingliż). Miġbur 2024-05-30.
- ^ "Slovakia elections: Populist party wins vote but needs allies for coalition" (bl-Ingliż). 2023-09-30. Miġbur 2024-05-30.
- ^ "Výsledky predčasných volieb 2023". web.archive.org. 2023-10-01. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-10-01. Miġbur 2024-05-30.
- ^ "After their PM halts Ukraine aid, Slovaks dig deep to help" (bl-Ingliż). 2024-04-19. Miġbur 2024-05-30.
- ^ "Slovakia, the EU's next rule of law headache". POLITICO (bl-Ingliż). 2024-03-20. Miġbur 2024-05-30.
- ^ "Thousands rally in Slovakia to condemn a government plan to overhaul public broadcasting". AP News (bl-Ingliż). 2024-03-15. Miġbur 2024-05-30.
- ^ "Slovak PM Robert Fico 'fighting for his life' following surgery - minister". BBC News (bl-Ingliż). 2024-05-15. Miġbur 2024-05-30.
- ^ CNN, By Elise Hammond, Maureen Chowdhury, Adrienne Vogt and Tori B. Powell (2024-05-15). "Shooting of Slovakia's Prime Minister Robert Fico". CNN (bl-Ingliż). Miġbur 2024-05-30.
- ^ "'Lone wolf' suspect charged in shooting of Slovakian PM Robert Fico". euronews (bl-Ingliż). 2024-05-15. Miġbur 2024-05-30.