Nagorno-Karabakh
Nagorno-Karabakh (/nəˈɡɔːrnoʊ kɑːrəˈbɑːk/ nə-GOR-noh kar-ə-BAHK[1]; bir-Russu: Нагорный Карабах, b’ittri Rumani: Nagorny Karabakh, litteralment “Karabakh muntanjuż”, u jfisser “Karabakh ta’ Fuq”; bl-Armen: Լեռնային Ղարաբաղ, b’ittri Rumani: Leṙnayin Ġarabaġ; bl-Ażerbajġani: Dağlıq Qarabağ jew Yuxarı Qarabağ) huwa reġjun interkjuż fin-Nofsinhar tal-Kawkasu, fi ħdan il-katina muntanjuża tal-Karabakh, bejn il-Karabakh t’Isfel u Zangezur, u jkopri l-parti tax-Xlokk tal-muntanji tal-Kawkasu Inferjuri. ll-biċċa l-kbira tar-reġjun huwa muntanjuż u bil-foresti.
Nagorno-Karabakh huwa territorju ta’ diżgwid. Internazzjonalment huwa rikonoxxut bħala parti mill-Ażerbajġan[2], iżda fil-biċċa l-kbira huwa ggvernat mir-Repubblika mhux rikonoxxuta ta’ Artsakh (li qabel kienet magħrufa bħala r-Repubblika ta’ Nagorno-Karabakh) minn żmien l-ewwel Gwerra ta’ Nagorno-Karabakh. Minn mindu l-gwerra ntemmet fl-1994, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Armenja u tal-Ażerbajġan organizzaw taħditiet ta’ paċi bil-medjazzjoni tal-Grupp ta’ Minsk tal-OSCE rigward l-istatus tar-reġjun li huwa l-qofol tad-diżgwid.
Is-soltu r-reġjun jitqies skont il-fruntieri amministrattivi tal-Eks Oblast Awtonomu ta’ Nagorno-Karabakh li fih erja ta’ 4,400 kilometru kwadru. Madankollu, iż-żona storika tar-reġjun fiha bejn wieħed u ieħor 8,223 kilometru kwadru.[3][4]
Fis-27 ta’ Settembru 2020, faqqgħet ġwerra ġdida f’Nagorno-Karabakh u fit-territorji tal-madwar, li wasslet biex il-forzi armati tal-Ażerbajġan u tal-Armenja rrapportaw li kien hemm vittmi militari u ċivili.[5] L-Ażerbajġan għamel kisbiet sinifikanti matul il-gwerra, u reġa’ kiseb il-biċċa l-kbira tat-territorji okkupati madwar Nagorno-Karabakh kif ukoll partijiet kbar ta’ Nagorno-Karabakh stess, inkluż il-belt sinifikanti kulturalment ta’ Shusha. Il-gwerra ntemmet fl-10 ta’ Novembru 2020, meta ġie ffirmat ftehim trilaterali ta’ waqfien mill-ġlied bejn l-Ażerbajġan, l-Armenja u r-Russja, which forced Armenia to return all the remaining occupied territories surrounding Nagorno-Karabakh.
Etimoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-prefiss Nagorno- joriġina mill-aġġettiv attributtiv Russu nagorny (нагорный), li jfisser “art muntanjuża”. L-ismijiet tar-reġjun bl-Ażerbajġani jinkludu l-aġġettivi simili dağlıq (muntanjuż) jew yuxarı (ta’ fuq). Tali kelmiet ma jintużawx fl-isem bl-Armen, iżda kienu preżenti fl-isem uffiċjali tar-reġjun matul l-era Sovjetika bħala Oblast Awtonomu ta’ Nagorno-Karabakh. Lingwi oħra japplikaw il-kelmiet ekwivalenti tagħhom għal muntanjuż, ta’ fuq, jew art muntanjuża; pereżempju, l-isem uffiċjali bil-Franċiż għar-Repubblika ta’ Nagorno-Karabakh huwa Haut-Karabakh, li jfisser “Karabakh ta’ Fuq”.
L-ismijiet tar-reġjun bid-diversi lingwi lokali kollha jfissru “Karabakh muntanjuż” jew “ġonna sewda muntanjuża”:
- bl-Armen: Լեռնային Ղարաբաղ, trażlitterat Leṙnayin Ġarabaġ (IPA: [lɛrnɑˈjin ʁɑɾɑˈbɑʁ]),
- bl-Ażerbajġani: Dağlıq Qarabağ, Дағлыг Гарабағ (Karabakh muntanjuż; IPA: [dɑɣˈlɯɣ ɡɑˈɾɑbɑɣ]) jew Yuxarı Qarabağ, Јухары Гарабағ (Karabakh ta’ Fuq; IPA: [juxɑˈɾɯ ɡɑˈɾɑbɑɣ]),
- bir-Russu: Нагорный Карабах, trażlitterat Nagorny Karabakh (IPA: [nɐˈɡornɨj kərɐˈbax]).
L-Armeni li jgħixu fiż-żona jsejħu lil Nagorno-Karabakh bħala Artsakh (bl-Armen: Արցախ), li huwa l-isem tal-għaxar provinċja tar-Renju antik tal-Armenja. Iskrizzjonijiet Urartjani (tas-sekli 9 sa 7 Q.K.) jużaw l-isem Urtekhini għar-reġjun. Sorsi Griegi Antiki kienu jirreferu għal din iż-żona bħala Orkhistene.[6]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Antikità u Medju Evu Bikri
[immodifika | immodifika s-sors]Nagorno-Karabakh jinsab fl-artijiet li kienu okkupati minn popli magħrufa fost l-arkeologi moderni bħala l-kultura ta’ Kura-Araxes, li kienu jgħixu bejn iż-żewġ xmajjar Kura u Araxes.
Il-popolazzjoni antika tar-reġjun kienet tikkonsisti minn diversi tribujiet lokali u migranti awtoktoni, fil-biċċa l-kbira tagħhom, ma kinux Ind-Ewropej.[7] Skont it-teorija prevalenti tal-Punent, dawn it-tribujiet nattivi kienu jitħalltu u jiżżewġu mal-Armeni li kienu jiġu fir-reġjun wara l-inklużjoni tiegħu fl-Armenja fit-tieni seklu, jew possibbilment qabel, fir-raba’ seklu Q.K. Studjużi oħra jissuġġerixxu li l-Armeni insedjaw ir-reġjun saħansitra fis-seklu 7 Q.K.[8]
Għall-ħabta tal-180 Q.K., Artsakh sar waħda mill-15-il provinċja tar-Renju Armen u baqa’ hekk sar-raba’ seklu.[9] Filwaqt li formalment kellu l-istatus ta’ provinċja (nahang), Artsakh x’aktarx li fforma prinċipat waħdu — bħall-provinċja Armena ta’ Syunik. Teoriji oħra jissuġġerixxu li Artsakh kien art irjali, u kien proprjetà diretta tar-Re tal-Armenja.[10] Tigran il-Kbir, ir-Re tal-Armenja (li rrenja mill-95-55 Q.K.), sejjes f’Artsakh waħda minn erbat ibliet imsejħa “Tigranakert” f’ismu stess.[11] Il-fdalijiet ta’ din il-belt antika, li nstabu 50 km fil-Grigal ta’ Stepanakert, qed jiġu studjati minn grupp ta’ studjużi internazzjonali.
Fit-387 W.K., wara l-qsim tal-Armenja f’partijiet bejn l-Imperu Ruman u l-Persja taħt is-Sassanidi, żewġ provinċji Armeni, Artsakh u Utik, saru parti mis-satrapija tas-Sassanidi tal-Albanija tal-Kawkasu, li min-naħa tagħha, kellha influwenza reliġjuża u kulturali Armena qawwija.[12][13] Dak iż-żmien, il-popolazzjoni ta’ Artsakh u ta’ Utik kienet tikkonsisti minn Armeni u minn diversi tribujiet Armenizzati.[7]
Il-kultura u ċ-ċivilizzazzjoni Armena tkattret fiż-żmien Medjevali bikri ta’ Nagorno-Karabakh. Fil-ħames seklu, infetħet l-ewwel skola Armena fit-territorju modern ta’ Nagorno-Karabakh—fil-Monasteru ta’ Amaras—bis-saħħa tal-isforzi ta’ San Mesrop Mashtots, l-inventur tal-alfabett Armen.[14] San Mesrop kien attiv ħafna fl-ipprietkar tal-Vanġelu f’Artsakh u f’Utik. B’kollox, Mesrop Mashtots għamel tliet mawriet lejn Artsakh u Utik, sa ma fl-aħħar laħaq it-territorji pagani taħt l-għoljiet ta’ qabel il-Kawkasu Superjuri.[15] Stephanos Syunetsi, il-lingwista u grammatiku Armen tas-seklu 7[16], iddikjara f’xogħlu li l-Armeni ta’ Artsakh kellhom id-djalett tagħhom stess, u ħeġġeġ lill-qarrejja tiegħu jitgħallmuh.[17] Fis-seklu 7 stess, Davtak Kertogh, poeta Armen, kiteb l-Eleġija dwar il-Mewt tal-Prinċep Juansher il-Kbir, fejn kull silta tibda b’ittra tal-kitba Armena f’ordni alfabetika.[18] L-unika storja komprensiva tal-Albanija tal-Kawkasu nkitbet bl-Armen mill-istoriku tas-seklu 10 Movses Kaghankatvatsi.[19]
Nofs il-Medju Evu
[immodifika | immodifika s-sors]Madwar nofs is-seklu 7, ir-reġjun inħakem mill-invażjoni tal-Għarab Musulmani permezz tal-ħakma Musulmana tal-Persja. Sussegwentement, ġie mmexxi minn gvernaturi lokali li kienu approvati mill-Kaliffat. Skont xi sorsi, fit-821[20], il-prinċep Armen Sahl Smbatian mexxa rivoluzzjoni f’Artsakh u stabbilixxa l-familja ta’ Khachen, li mexxiet lil Artsakh bħala prinċipat sal-bidu tas-seklu 19.[21] Skont sorsi oħra, Sahl Smbatean “kien parti mill-familja Zamirhakan ta’ rejiet”, u fis-snin 837-838, kiseb is-sovranità fuq l-Armenja, il-Georgia u l-Albanija.[22][23] L-isem “Khachen” oriġina mill-kelma Armena “khach”, li tfisser “salib”.[24] Sas-sena 1000, il-familja ta’ Khachen ipproklamat ir-Renju ta’ Artsakh u l-ewwel mexxej kien John Senecherib.[25] Inizjalment Dizak, fin-Nofsinhar ta’ Artsakh, iffurmat renju wkoll immexxi mill-familja antika ta’ Aranshahik, li kienet dixxendenti tal-ewwel Rejiet tal-Albanija tal-Kawkasu. Fl-1261, wara li bint l-aħħar re ta’ Dizak iżżewġet lir-re ta’ Artsakh[26], il-prinċep Armen Hasan Jalal Dola, iż-żewġ stati ngħaqdu flimkien fil-Prinċipat Armen ta’ Khachen. Sussegwentement, Artsakh baqa’ jeżisti bħala prinċipat indipendenti de facto.[27]
L-Aħħar tal-Medju Evu
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-seklu 15, it-territorju ta’ Karabakh kien parti mill-istati mmexxija sussegwentement mill-konfederazzjonijiet tribali ta’ Kara Koyunlu u Ak Koyunlu Turkic. Skont Abu Bakr Tihrani, matul il-perjodu ta’ Jahan Shah (1438-1468), il-mexxej ta’ Kara Koyunlu, Piri bey Karamanli kellu f’idejh il-governorat ta’ Karabakh.[30] Madankollu, skont Robert H. Hewsen, Jahan Shah (1437-67) assenja l-governorat ta’ Karabakh ta’ Fuq lill-prinċipijiet Armeni lokali, u b’hekk ippermetta li tfeġġ tmexxija Armena nattiva li kienet tikkonsisti minn ħames familji nobbli mmexxija minn prinċipijiet li kellhom it-titlu ta’ melik (prinċep).[21] Dawn id-dinastiji kienu jirrappreżentaw il-fergħat tal-familja ta’ Khachen u kienu d-dixxendenti tar-rejiet Medjevali ta’ Artsakh. L-artijiet tagħhom spiss kienu jissejħu bħala l-Pajjiż tal-Khamsa (ħamsa bl-Għarbi). F’Karta tat-2 ta’ Ġunju 1799 tal-Imperatur Pawlu I msejħa “Dwar l-ammissjoni tagħhom fir-relazzjoni statali mar-Russja, l-allokazzjonijiet tal-art, id-drittijiet u l-privileġġi”, issemma li l-wirt Kristjan tar-reġjun ta’ Karabakh u l-poplu kollu ġie ammess fir-relazzjoni statali mar-Russja.[31] Madankollu, skont Robert Hewsen, l-Imperu Russu rrikonoxxa l-istatus sovran tal-ħames prinċipijiet fid-dominji tagħhom permezz tal-Karta tat-2 ta’ Ġunju 1799 tal-Imperatur Pawlu I.[32]
Id-diversi melik ingħataw il-kmand suprem fuq il-prinċipati Armeni ġirien u t-territorji mmexxija mill-Khan Musulmani fil-Kawkasu mir-re Iranjan Nader Shah, bħala tpattija għar-rebħiet tal-melik kontra l-invażjonijiet tat-Torok Ottomani fis-snin 20 tas-seklu 18.[33] Il-ħames prinċipati f’Karabakh li ġejjin kienu mmexxija minn familji Armeni li kienu rċevew it-titlu ta’ melik:[34][35]
- il-Prinċipat ta’ Gulistan – taħt it-tmexxija tal-familja Melik-Beglarjana;
- il-Prinċipat ta’ Jraberd – taħt it-tmexxija tal-familja Melik-Iżraeljana;
- il-Prinċipat ta’ Khachen – taħt it-tmexxija tal-familja Hasan-Jalaljana;
- il-Prinċipat ta’ Varanda – taħt it-tmexxija tal-familja Melik-Shahnazarjana;
- il-Prinċipat ta’ Dizak – taħt it-tmexxija tal-familja Melik-Avanjana.
Mill-1501 sal-1736, matul l-eżistenza tal-Imperu tas-Safavidi, il-provinċja ta’ Karabakh kienet iggvernata mid-dinastija ta’ Ziyadoglu Gajar, li mexxiet il-provinċja ta’ Karabakh sa ma ħa r-riedni f’idejh Nader Shah.[36] Il-melik Armeni żammew kontroll sħiħ fuq ir-reġjun tagħhom sa nofs is-seklu 18. Imbagħad, Nader Shah ħa l-kontroll ta’ Karabakh mill-Khans ta’ Ganja bħala kastig talli appoġġaw is-Safavidi.[37] F’nofs is-seklu 18, qalb il-kunflitti interni bejn il-melik li dgħajfu lilhom infushom, ġie ffurmat it-territorju ta’ Karabakh immexxi mill-Khan, li kien wieħed mill-ikbar li kellu relazzjoni statali mal-Iran[38]. Dan kien immexxi mill-Khan Panah-Ali Javanshir. Sabiex isaħħaħ is-setgħa tat-territorju tiegħu, il-Khan Panah-Ali Javanshir bena “il-fortizza ta’ Panahabad (illum Shusha)” fl-1751. Dak iż-żmien, l-Otuziki, il-Javanshir, il-Kebirli, u tribujiet Torok oħra kien jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-popolazzjoni ġenerali.
Era moderna
[immodifika | immodifika s-sors]Karabakh (inkluż Nagorno-Karabakh kif nafuh illum), sar protettorat tal-Imperu Russu permezz tat-Trattat ta’ Kurekchay, li ġie ffirmat bejn Ibrahim Khalil, il-Khan ta’ Karabakh il-Ġeneral Pavel Tsitsianov f’isem il-Kżar Alessandru I fl-1805. Skont it-Trattat, il-monarka Russu rrikonoxxa lil Ibrahim Khalil u lid-dixxendenti tiegħu bħala l-uniċi mexxejja ereditarji tar-reġjun.[39][40][41] Madankollu, l-istatus ġdid tiegħu ġie kkonfermat biss wara l-eżitu tal-Gwerra bejn ir-Russja u l-Persja (1804-1813)[42][43][44][45], meta wara li tilfet fil-gwerra, il-Persja ċediet formalment ir-reġjun ta’ Karabakh lill-Imperu Russu skont it-Trattat ta’ Gulistan (1813), qabel ma l-bqija tat-Transkawkasja ma ġiet inkorporata fl-Imperu fl-1828 permezz tat-Trattat ta’ Turkmenchay, li seħħet bħala l-eżitu tal-Gwerra bejn ir-Russja u l-Persja (1826-1828).
Fl-1822, disa’ snin wara li l-kontroll ta’ Karabakh għadda mingħand il-Persja għar-Russja, it-territorju ta’ Karabakh immexxi mill-Khan ġie xolt, u t-territorju sar parti mill-Governorat tal-Elisabethpol fi ħdan l-Imperu Russu. Fl-1823, il-ħames distretti li jikkorrispondu bejn wieħed u ieħor għar-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh kif nafuh illum kienu 90.8 % Armeni.[46]
Era Sovjetika
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kunflitt attwali ta’ Nagorno-Karabakh nibet mid-deċiżjonijiet li ħa Joseph Stalin u l-Burò tal-Kawkasu (Kavburo) matul is-Sovjetizzazzjoni tat-Transkawkasja. Stalin kien il-Aġent Kummissarju tan-Nazzjonalitajiet għall-Unjoni Sovjetika fil-bidu tas-snin 20 tas-seklu 20, il-fergħa tal-gvern li taħtha nħoloq il-Kavburo. Wara r-Rivoluzzjoni Russa tal-1917, ir-reġjun ta’ Karabakh sar parti mir-Repubblika Federata Demokratika Transkawkasjana, iżda din malajr ġiet xolta fi stati separati tal-Armenja, tal-Ażerbajġan u tal-Georgia. Matul is-sentejn ta’ wara (1918-1920), kien hemm sensiela ta’ gwerer qosra bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan rigward diversi reġjuni, fosthom Karabakh. F’Lulju 1918, l-Ewwel Assemblea Armena ta’ Nagorno-Karabakh iddikjarat li r-reġjun seta’ jiggverna lilu nnifsu u ħolqot Kunsill Nazzjonali u gvern. Iktar ’il quddiem, truppi Ottomani daħlu Karabakh, u sabu reżistenza armata mill-Armeni.[47]
Wara t-telfa tal-Imperu Ottoman fl-Ewwel Gwerra Dinjija, it-truppi Brittaniċi okkupaw lil Karabakh. Il-kmand Brittaniku proviżorjament afferma li Khosrov bey Sultanov (maħtur mill-gvern tal-Ażerbajġan) kien il-gvernatur-ġeneral ta’ Karabakh u Zangezur, diment li tittieħed deċiżjoni favur mill-Konferenza tal-Paċi f’Pariġi. Id-deċiżjoni ġiet opposta mill-Armeni f’Karabakh. Fi Frar 1920, il-Kunsill Nazzjonali ta’ Karabakh qabel b’mod preliminari rigward il-ġurisdizzjoni tal-Ażerbajġan, filwaqt li l-Armeni f’Karabakh baqgħu jiġġieldu u jikkawżaw irvelli, u qatt ma aċċettaw il-ftehim. Il-ftehim innifsu ftit wara ġie annullat mid-Disa’ Assemblea ta’ Karabagh, li ddikjarat unjoni mal-Armenja f’April.[47]
F’April 1920, filwaqt li l-armata tal-Ażerbajġan kienet impenjata fil-ġlied f’Karabakh kontra forzi Armeni lokali, l-Ażerbajġan ġie assedjat u meħud mill-Bolxeviki. Fl-10 ta’ Awwissu 1920, l-Armenja ffirmat ftehim preliminari mal-Bolxeviki, u qablet li jkun hemm okkupazzjoni Bolxevika temporanja ta’ dawn iż-żoni sakemm jintlaħaq qbil finali.[48] Fl-1921, l-Armenja u l-Georgia ġew assedjati u meħuda wkoll mill-Bolxeviki. Wara s-Sovjetizzazzjoni tal-Armenja u tal-Ażerbajġan, il-Kavburo ddeċieda li t-territorju ta’ Karabakh kien se jibqa’ fi ħdan l-SSR tal-Ażerbajġan b’awtonomija reġjonali wiesgħa, u biċ-ċentru amministrattiv fil-belt ta’ Shusha.[49] Il-fruntieri tal-oblast tfasslu b’tali mod li jinkludu l-villaġġi Armeni u jeskludu kemm jista’ jkun il-villaġġi tal-Ażerbajġan. Id-distrett li rriżulta, żgura maġġoranza Armena.
Peress li l-Unjoni Sovjetika kellha kontroll sod tar-reġjun, il-kunflitt rigward ir-reġjun batta għal diversi deċennji sal-bidu tax-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika fl-aħħar tas-snin 80 u l-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20, meta reġgħet feġġet il-kwistjoni ta’ Nagorno-Karabakh. Bl-akkuża lill-gvern tal-SSR tal-Ażerbajġan li kien qed iwettaq l-“Ażerifikazzjoni” tar-reġjun, il-popolazzjoni Armena li kienet f’maġġoranza, permezz tal-appoġġ ideoloġiku u materjali mill-SSR tal-Armenja, bdiet moviment biex ikun hemm oblast awtonomu ttrasferit lill-SSR tal-Armenja.[50] F’Awwissu 1987, l-Armeni f’Karabakh għamlu petizzjoni għall-unjoni mal-Armenja u bagħtuha Moska b’għexieren ta’ eluf ta’ firem.[51]
Gwerra u seċessjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-13 ta’ Frar 1988, l-Armeni li jgħixu f’Karabakh bdew jagħmlu dimostrazzjonijiet fi Stepanakert favur l-unifikazzjoni mar-Repubblika Armena. Sitt ijiem wara seħħew ukoll protesti tal-massa f’Yerevan. Fl-20 ta’ Frar, id-Deputati tal-Poplu Sovjetiku f’Karabakh ivvutaw 110 favur u 17 kontra fir-rigward tat-trasferiment tar-reġjun lill-Armenja. Din l-azzjoni mingħajr preċedent minn reġjun Sovjetiku wasslet biex għexieren ta’ eluf ta’ dimostranti joħorġu fit-toroq kemm fi Stepanakert kif ukoll f’Yerevan, iżda Moska ċaħdet it-talbiet Armeni. Fl-20 ta’ Frar 1988, żewġt ibniet Ażerbajġani ġew stuprati fi Stepanakert, u dan ħoloq għadab kbir fir-raħal Ażerbajġani ta’ Agdam, fejn seħħet l-ewwel konfrontazzjoni diretta tal-kunflitt meta grupp kbir ta’ Ażerbajġani mar jipprotesta minn Agdam għar-raħal ta’ Askeran, b’popolazzjoni kbira ta’ Armeni. Il-konfrontazzjoni bejn l-Ażerbajġani u l-pulizija ħdejn Askeran iddeġenerat fit-taqbida ta’ Askeran, li rriżultat fil-mewt ta’ żewġ Ażerbajġani, li wieħed minnhom allegatament inqatel minn uffiċjal tal-pulizija Ażerbajġani, kif ukoll 50 ċittadin Armen u għadd mhux magħruf ta’ Ażerbajġani u ta’ pulizija midruba.[52][53][54] Għadd kbir ta’ refuġjati telqu mill-Armenja u mill-Ażerbajġan malli bdiet il-vjolenza kontra l-popolazzjonijiet f’minoranza tal-pajjiżi rispettivi.[55]
Fid-29 ta’ Novembru 1989, it-tmexxija diretta f’Nagorno-Karabakh intemmet u r-reġjun ġie rritornat lill-amministrazzjoni Ażerbajġana.[56] Madankollu, il-politika Sovjetika falliet meta sessjoni konġunta tal-Kunsill Sovjetiku Suprem Armen u tal-Kunsill Nazzjonali, il-korp leġiżlattiv ta’ Nagorno-Karabakh, ipproklamaw l-unifikazzjoni ta’ Nagorno-Karabakh mal-Armenja. Fis-26 ta’ Novembru 1991, l-Ażerbajġan abolixxa l-istatus ta’ Oblast Awtonomu ta’ Nagorno-Karabakh, irranġa d-diviżjoni amministrattiva mill-ġdid, u wassal biex it-territorju jkun taħt il-kontroll dirett tal-Ażerbajġan.[57]
Fl-10 ta’ Diċembru 1991, f’referendum li ġie bbojkottjat mill-Ażerbajġani lokali[54], l-Armeni li jgħixu f’Nagorno-Karabakh approvaw il-ħolqien ta’ stat indipendenti. Proposta Sovjetika għal awtonomija msaħħa għal Nagorno-Karabakh fi ħdan l-Ażerbajġan ma ssodisfat lil ebda waħda miż-żewġ naħat u sussegwentement faqqgħet gwerra fuq skala kbira bejn l-Ażerbajġan u Nagorno-Karabakh, b’dan tal-aħħar jirċievi l-appoġġ mill-Armenja.[58][59] Skont l-eks President tal-Armenja, Levon Ter-Petrossian, l-approċċ tat-tmexxija ta’ Karabakh kien massimalista u sostna li “ħasbu li setgħu jiksbu iktar”.[60][61]
Id-diżgwid rigward Nagorno-Karabakh skala wara li kemm l-Armenja kif ukoll l-Ażerbajġan kisbu l-indipendenza mill-Unjoni Sovjetika fl-1991. Fl-ewwel snin wara l-Unjoni Sovjetika, l-azzjoni militari bejn l-Ażerbajġan u l-Armenja kienet influwenzata bil-kbir mill-militar Russu. Barra minn hekk, kemm il-militar Armen kif ukoll il-militar Ażerbajġani impjegaw għadd kbir ta’ merċenarji mill-Ukrajna u mir-Russja.[62] Mijiet ta’ muġaħiddin Afgani pparteċipaw fil-ġlied man-naħa tal-Ażerbajġani, filwaqt li l-Armeni kellhom artillerija tqila u tankijiet tal-gwerra mogħtija mir-Russja.[54] Diversi mill-persuni Ażerbajġani li ħelsuha ħafif mill-gwerra sabu kenn fi 12-il kamp ta’ emerġenza li ġew stabbiliti f’partijiet oħra tal-Ażerbajġan biex ilaħħqu mal-għadd dejjem jikber ta’ persuni li spiċċaw spustjati internament minħabba l-ewwel gwerra ta’ Nagorno-Karabakh.[63]
Sal-aħħar tal-1993, il-kunflitt kien ikkawża eluf ta’ persuni midruba u mwiet kif ukoll mijiet ta’ eluf ta’ refuġjati fuq iż-żewġ naħat. Sa Mejju 1994, l-Armeni kellhom il-kontroll ta’ 14 % tat-territorju tal-Ażerbajġan. F’dak l-istadju, għall-ewwel darba matul il-kunflitt, il-gvern Ażerbajġani rrikonoxxa lil Nagorno-Karabakh bħala parti terza fil-gwerra u beda negozjati diretti mal-awtoritajiet ta’ Karabakh. B’riżultat ta’ dan, intlaħaq ftehim ta’ waqfien mill-ġlied fit-12 ta’ Mejju 1994 permezz ta’ negozjati Russi.[64]
Wara l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied tal-1994
[immodifika | immodifika s-sors]Minkejja l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied, xorta waħda baqa’ jkun hemm imwiet minħabba kunflitti armati bejn s-suldati Armeni u Ażerbajġani.[65] Fil-25 ta’ Jannar 2005, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) adottat ir-Riżoluzzjoni 1416 tal-PACE, li kienet tikkundanna t-tindif etniku kontra l-Ażerbajġani.[66] Bejn il-15 u s-17 ta’ Mejju 2007, l-34 sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 7/34-P, fejn l-okkupazzjoni tat-territorju tal-Ażerbajġan ġiet meqjusa bħala aggressjoni tal-Armenja kontra l-Ażerbajġan u l-azzjonijiet kontra l-persuni Ażerbajġani ġew rikonoxxuti bħala reat kontra l-umanità, filwaqt li ġiet ikkundannata wkoll il-qerda tal-monumenti arkeoloġiċi, kulturali u reliġjużi fit-territorji okkupati. Il-11-il sessjoni tas-summit tal-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika li saret bejn it-13 u l-14 ta’ Marzu 2008 f’Dakar adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 10/11-P (IS). Fir-Riżoluzzjoni, l-Istati Membri tal-organizzazzjoni kkundannaw l-okkupazzjoni tal-artijiet tal-Ażerbajġan mill-forzi Armeni, kif ukoll l-aggressjoni Armena kontra l-Ażerbajġan u t-tindif etniku kontra l-popolazzjoni Ażerbajġana, u akkużaw lill-Armenja bid-“distruzzjoni ta’ monumenti kulturali fit-territorji Ażerbajġani okkupati”. Fl-14 ta’ Marzu tal-istess sena, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 62/243 li “titlob l-irtirar immedjat, sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet tal-forzi Armeni kollha mit-territorji okkupati tar-Repubblika tal-Ażerbajġan”.[67]
Bejn it-18 u l-20 ta’ Mejju 2010, is-37 sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika f’Dushanbe adottat riżoluzzjoni oħra fejn ikkundannat l-aggressjoni tal-Armenja kontra l-Ażerbajġan, filwaqt li rrikonoxxiet l-azzjonijiet kontra ċ-ċivili Ażerbajġani bħala reat kontra l-umanità u kkundannat id-distruzzjoni tal-monumenti arkeoloġiċi, kulturali u reliġjużi fit-territorji okkupati. Fl-20 ta’ Mejju tal-istess sena, il-Parlament Ewropew fi Strasburgu adotta r-Riżoluzzjoni dwar “Il-ħtieġa għal Strateġija tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar” abbażi tar-rapport ta’ Evgeni Kirilov, Membru Bulgaru tal-Parlament Ewropew.[68] Ir-Riżoluzzjoni tiddikjara b’mod partikolari li “r-reġjuni Ażerbajġani okkupati madwar Nagorno-Karabakh iridu jiġu lliberati mill-iktar fis possibbli”.[69] Fis-26 ta’ Jannar 2016, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) adottat ir-Riżoluzzjoni 2085, li kkundannat il-fatt li l-okkupazzjoni mill-Armenja ta’ Nagorno-Karabakh u żoni oħra biswit tal-Ażerbajġan toħloq problemi umanitarji u ambjentali għaċ-ċittadini tal-Ażerbajġan, u li kkundannat it-tindif etniku kontra l-Ażerbajġani, filwaqt li l-Assemblea talbet l-irtirar immedjat tal-forzi armati Armeni mir-reġjun ikkonċernat.[70][71]
Bosta mexxejja dinjin iltaqgħu mal-Presidenti tal-Armenja u tal-Ażerbajġan matul is-snin, iżda l-isforzi biex il-waqfien mill-ġlied jinżamm fallew.[72]
Fit-2 ta’ April 2016, il-forzi Ażerbajġani u Armeni reġgħu daħlu f’kunflitt bejniethom fir-reġjun. Il-Ministeru tad-Difiża Armen allega li l-Ażerbajġan vara attakk biex jaħtaf it-territorju fir-reġjun. Mill-inqas 30 suldat inqatlu f’dan il-kunflitt u ħelikopter tat-tip Mil Mi-24 u tank tal-gwerra nqerdu. F’dan l-attakk mietu 12-il suldat tal-forzi Ażerbajġani u 18-il suldat tal-forzi Armeni. Barra minn hekk, ġie rrappurtat li 35 suldat Armen oħra ndarbu.[73][74]
Gwerra tal-2020 u ftehim ieħor ta’ waqfien mill-ġlied
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-27 ta’ Settembru 2020, faqqgħet gwerra ġdida f’Nagorno-Karabakh u fit-territorji tal-madwar, li wasslet għall-imwiet ta’ suldati u ċivili miż-żewġ naħat.[5] In-Nazzjonijiet Uniti kkundannaw il-kunflitt b’mod sod u appellaw liż-żewġ naħat biex ma jkomplux jeskalaw it-tensjonijiet u minflok ikomplu n-negozjati mingħajr dewmien.[75]
L-Ażerbajġan għamel kisbiet sinifikanti matul il-gwerra, u reġa’ kiseb it-territorji okkupati madwar Nagorno-Karabakh u partijiet kbar ta’ Nagorno-Karabakh, inkluż il-belt sinifikanti kulturalment ta’ Shusha.[76]
Il-gwerra ntemmet fl-10 ta’ Novembru 2020, meta ġie ffirmat ftehim trilaterali ta’ waqfien mill-ġlied bejn l-Ażerbajġan, l-Armenja u r-Russja, li ġiegħel lill-Armenja tirritorna t-territorji okkupati kollha madwar Nagorno-Karabakh.[77]
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Nagorno-Karabakh għandu erja totali ta’ 4,400 kilometru kwadru.[78] Bejn wieħed u ieħor nofs it-territorju ta’ Nagorno-Karabakh għandu elevazzjoni ta’ 950 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar.[79] Il-fruntieri ta’ Nagorno-Karabakh jixbħu fażola ħamra b’feles fuq in-naħa tal-Lvant. Għandu muntanji għoljin tul it-tarf tat-territorju fit-Tramuntana, fil-Punent u fin-Nofsinhar. Il-parti ħdejn il-feles tal-fażola ħamra hija wied pjuttost ċatt, biż-żewġ trufijiet tal-fażola, id-distretti ta’ Martakert u ta’ Martuni, għandhom artijiet ċatti wkoll. Jeżistu widien iktar ċatti madwar il-ġibjun ta’ Sarsang, madwar Hadrut, u fin-Nofsinhar. Ir-reġjun kollu, bħala medja, għandu elevazzjoni ta’ 1,100 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Qċaċet notevoli jinkludu l-muntanja Murovdag fil-fruntiera u l-katina muntanjuża tal-Kirs il-Kbar fejn id-distetti ta’ Shusha u Hadrut. It-territorju ta’ Nagorno-Karabakh attwalment jifforma parti mir-reġjun storiku ta’ Karabakh, li jinsab bejn ix-xmajjar Kura u Araxes, u l-fruntiera moderna bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan. Nagorno-Karabakh, bil-fruntieri moderni tiegħu, huwa parti mir-reġjun ikbar tal-Karabakh ta’ Fuq.[79]
Nagorno-Karabakh ma għandux fruntiera mal-Armenja iżda r-repubblika mhux rikonoxxuta tikkontrolla l-kuritur ta’ Lachin, mogħdija muntanjuża li tikkollegaha mal-Armenja.[79]
L-ambjent ta’ Nagorno-Karabakh ivarja bejn steppa fl-artijiet baxxi ta’ Kura għal foresti densi tal-ballut, tal-karpin u tal-fagu fiż-żoni muntanjużi iktar fil-baxx, għal mergħat alpini u tal-betula iktar ’il fuq. Ir-reġjun fih għadd kbir ta’ fawwara naturali u depożiti taż-żingu, tal-faħam, taċ-ċomb, tad-deheb, tal-irħam u tal-ġebla tal-ġir.[80] Il-bliet ewlenin tar-reġjun huma Stepanakert, li sservi bħala l-belt kapitali tar-repubblika mhux rikonoxxuta ta’ Nagorno-Karabakh, u Shusha, li parzjalment hija fdalijiet. Id-dwieli, is-siġar tal-frott, u s-siġar taċ-ċawsli għad-dud tal-ħarir jitkabbru fil-widien.[81]
Demografija
[immodifika | immodifika s-sors]Stħarriġ imħejji mill-awtoritajiet imperjali Russi fl-1823 wera li l-Armeni kollha f’Karabakh kienu jirresjedu b’mod kumpatt fl-artijiet b’elevazzjoni għolja, jiġifieri fit-territorju tal-ħames prinċipalitajiet Armeni tradizzjonali, u kienu jikkostitwixxu maġġoranza demografika assoluta f’dawk l-artijiet. Tant li 90.8 % tal-villaġġi fl-istħarriġ kienu Armeni, filwaqt li 9.2% kienu Tatari jew Ażerbajġani.[82]
Fl-1989, l-Oblast Awtonomu ta’ Nagorno-Karabakh kellu popolazzjoni ta’ 192,000 ruħ, li minnhom 76 % kienu Armeni u 23% kienu Ażerbajġani, b’minoranzi Russi u Kurdi.[83]
Trasport
[immodifika | immodifika s-sors]Post | ICAO | DAFIF | IATA | Isem l-ajruport | Koordinati |
Stepanakert | UBBS | UB13 | Stepanakert Airport | 39°54′05″N 46°47′13″E |
Matul it-tmexxija tal-Unjoni Sovjetika, il-linja Yevlakh–Agdam–Stepanakert kienet tikkollega lir-Reġjun Awtonomu ta’ Nagorno-Karabakh mal-parti ewlenija tal-Ażerbajġan. Wara l-gwerra ta’ Nagorno-Karabakh u l-abbandun ta’ Ağdam, is-servizz tal-linja beda jopera biss bejn Yevlax u Kətəlparaq, mingħajr ebda sezzjoni fir-Repubblika ta’ Nagorno-Karabakh. Il-linja preċedenti tal-ferrovija bejn Kətəlparaq u Stepanakert kważi nqerdet għalkollox.
Is-sezzjoni f’Nagorno-Karabakh bejn Ordubad u Horadiz tal-linja tal-ferrovija prinċipali (Tbilisi–Gyumri–)Yerevan–Nakhchivan–Horadiz–Shirvan(–Baku) ġiet żarmata wkoll flimkien ma’ linja sekondarja minn Mincivan għall-belt Armena ta’ Kapan. Attwalment, il-ferroviji Ażerbajġani jivvjaġġaw biss lejn Horadiz. Is-sezzjoni Ordubad–Horadiz tneħħiet, u b’hekk f’Nagorno-Karabakh ma fadal l-ebda linja ferrovjarja attiva. Il-linja ferrovjarja fir-Repubblika Awtonoma ta’ Nakhchivan għadha topera, iżda hija separata mil-linji Ażerbajġani prinċipali, u għandha biss konnessjoni mal-Iran.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Definition of Nagorno-Karabakh | Dictionary.com". www.dictionary.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-23.
- ^ "GENERAL ASSEMBLY ADOPTS RESOLUTION REAFFIRMING TERRITORIAL INTEGRITY OF AZERBAIJAN, DEMANDING WITHDRAWAL OF ALL ARMENIAN FORCES | Meetings Coverage and Press Releases". www.un.org. Miġbur 2021-03-23.
- ^ Robert H. Hewsen. "The Meliks of Eastern Armenia: A Preliminary Study". Revue des etudes Arméniennes. NS: IX, 1972, p. 288.
- ^ Robert H. Hewsen (2001). Armenia: A Historical Atlas. The University of Chicago Press. p. 264. ISBN 978-0-226-33228-4.
- ^ a b "Fighting erupts between Armenia, Azerbaijan over disputed region". www.aljazeera.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-23.
- ^ "Strabo, Geography, Book 6, chapter 1, section 1". www.perseus.tufts.edu. Miġbur 2021-03-23.
- ^ a b Hewsen, Robert H. (1982). "Ethno-History and the Armenian Influence upon the Caucasian Albanians". In Samuelian, Thomas J. (ed.). Classical Armenian Culture. Influences and Creativity. Chicago: Scholars Press. pp. 27–40. ISBN 0-89130-565-3.
- ^ Hewsen, Robert H. Armenia: a Historical Atlas. Chicago, IL: University of Chicago Press, 2001, p. 32-33, il-mappa 19.
- ^ Hewsen, Robert H. "The Kingdom of Artsakh", in T. Samuelian & M. Stone, eds. Medieval Armenian Culture. Chico, CA, 1983.
- ^ Hewsen. Armenia, pp. 100–103.
- ^ "ИСТОРИЯ ИМПЕРАТОРА ИРАКЛА. Сочинене епископа Себеоса, писателя VII века. Пер. с армянского К.Патканяна". vehi.net. Miġbur 2021-03-24.
- ^ "Azerbaijan | History, People, & Facts". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-24.
- ^ Walker, Christopher J. (1991). Armenia and Karabagh: The Struggle for Unity. Minority Rights Group Publications. p. 10.
- ^ Viviano, Frank. "The Rebirth of Armenia", National Geographic Magazine, March 2004, p. 18.
- ^ Movses Kalankatuatsi. History of the Land of Aluank, Book I, chapters 27, 28 and 29; Book II, chapter 3.
- ^ The Oxford History of Historical Writing: 400–1400 / Edited by Sarah Foot, Chase F. Robinson. — Oxford University Press, 2012. — Vol. 2. — p. 189.
- ^ Н.Адонц. «Дионисий Фракийский и армянские толкователи», Пг., 1915, p. 181-219.
- ^ Movses Kalankatuatsi. History of the Land of Aluank, translated from Old Armenian by Sh. V. Smbatian. Yerevan: Matenadaran (Institute of Ancient Manuscripts), 1984, Elegy on the Death of Prince Juansher.
- ^ Agop Jack Hacikyan, Gabriel Basmajian, Edward S. Franchuk. The Heritage of Armenian Literature. Wayne State University Press (December 2002), pp. 94–99.
- ^ The Cambridge History of Iran. — Cambridge University Press, 1975. — vol. 4. — p. 506.
- ^ a b Robert H. Hewsen, Armenia: A Historical Atlas. The University of Chicago Press, 2001, pp. 119, 155, 163, 264–65.
- ^ Movses Dasxuranci (1961). The History of Caucasian Albanians: By Movses Dasxuranci.
- ^ Тер-Григорян Т.И. Неизданные страницы "Истории Албанской страны"Моисея Каланкайтукского. Архив Ин-та истории АН Азерб. ССР, № 1386, p.18.
- ^ Christopher Walker. The Armenian presence in Mountainous Karabakh, in John F. R. Wright et al.: Transcaucasian Boundaries (SOAS/GRC Geopolitics). 1995, p. 93.
- ^ Hewsen, Robert H. "The Kingdom of Artsakh", in T. Samuelian & M. Stone, eds. Medieval Armenian Culture. Chico, CA, 1983.
- ^ "ARḠŪN ĀQĀ – Encyclopaedia Iranica". iranicaonline.org. Miġbur 2021-03-24.
- ^ "Armenia | Geography, Population, Map, Religion, & History". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-24.
- ^ Robert H. Hewsen. Russian–Armenian relations, 1700–1828. Society of Armenian Studies, N4, Cambridge, Massachusetts, 1984, p. 37.
- ^ George A. Bournoutian (1994). A History of Qarabagh: An Annotated Translation of Mirza Jamal Javanshir Qarabaghi's Tarikh-e Qarabagh. Mazda Publishers. ISBN 1-56859-011-3.
- ^ Abū Bakr Ṭihrānī. Kitāb-i Diyārbakriyya. (original) کتاب دیاربکریه: از تواریخ قراقوینلو و چغاتای. ویسنده: ابوبکر طهرانی. به تصحیح و اهتمام: نجاتی لوغال، فاروق سومه. تهران : کتابخانه طهوری،۱۳۵۶. p. 138
- ^ Полное Собрание Законов Российской Империи c 1649 года. Том XXV. 1798-1799. СПб.: Печатано в Типографии II Отделения Собственной Его Императорского Величества Канцелярии, 1830, № 18.990, c.674-675. (Complete Collection of Laws of the Russian Empire since 1649. Volume XXV. 1798-1799. SPb .: Printed at the Printing House of the II Branch of His Imperial Majesty's Own Office, 1830, No. 18.990, p.674-675).
- ^ Robert H. Hewsen. Russian–Armenian relations, 1700–1828. Society of Armenian Studies, N4, Cambridge, Massachusetts, 1984, p 37.
- ^ Walker, Christopher J. Armenia: Survival of a Nation. London: Routledge, 1990 p. 40 ISBN 0-415-04684-X.
- ^ Raffi, The History of Karabagh's Meliks, Vienna, 1906, bl-Armen.
- ^ Raffi, The Five Melikdoms of Karabagh tradott bl-Ingliż minn Ara Stepan Melkonian, Garod Books Ltd. 2010, London. ISBN 9781903656570.
- ^ Павлова И.К. Хроника времен Сефевидов. Соч. Мухаммад-Масума Исфахани "Хуласат ас-сийар". М.:Наука, 1993, c.59-61.
- ^ "АББАС-КУЛИ-АГА БАКИХАНОВ->ГЮЛИСТАН-И ИРАМ->ПЕРИОД V". vostlit.info. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-02-20. Miġbur 2021-03-24.
- ^ Bournoutian, George A. (2016). The 1820 Russian Survey of the Khanate of Shirvan: A Primary Source on the Demography and Economy of an Iranian Province prior to its Annexation by Russia. Gibb Memorial Trust. p. xvii. ISBN 978-1909724808.
- ^ "KM.RU - новости, экономика, автомобили, наука и техника, кино, музыка, спорт, игры, анекдоты, курсы валют | KM.RU". www.km.ru. Miġbur 2021-03-24.
- ^ Muriel Atkin. The Strange Death of Ibrahim Khalil Khan of Qarabagh. Iranian Studies, Vol. 12, No. 1/2 (Winter – Spring, 1979), pp. 79–107.
- ^ George A. Bournoutian. A History of Qarabagh: An Annotated Translation of Mirza Jamal Javanshir Qarabaghi's Tarikh-e Qarabagh. Mazda Publishers, 1994. ISBN 1-56859-011-3, 978-1-568-59011-0.
- ^ Tim Potier. M1 Conflict in Nagorno-Karabakh, Abkhazia and South Ossetia: A Legal Appraisal. Martinus Nijhoff Publishers, 2001, p. 2. ISBN 90-411-1477-7.
- ^ Leonidas Themistocles Chrysanthopoulos. Caucasus Chronicles: Nation-building and Diplomacy in Armenia, 1993–1994. Gomidas Institute, 2002, p. 8. ISBN 1-884630-05-7.
- ^ The British and Foreign Review. J. Ridgeway and sons, 1838, p. 422.
- ^ Taru Bahl, M.H. Syed. Encyclopaedia of the Muslim World. Anmol Publications PVT, 2003 p. 34. ISBN 81-261-1419-3.
- ^ Bournoutian, George A. A History of Qarabagh: An Annotated Translation of Mirza Jamal Javanshir Qarabaghi's Tarikh-E Qarabagh. Costa Mesa, CA: Mazda Publishers, 1994, p. 18.
- ^ a b Conflict in Nagorno-Karabakh, Abkhazia, and South Ossetia: A Legal Appraisal by Tim Potier. ISBN 90-411-1477-7.
- ^ Walker. The Survival of a Nation. pp. 285-290.
- ^ "Q&A with Arsène Saparov: No Evidence that Stalin "Gave" Karabakh to Azerbaijan" (bl-Ingliż). 2018-12-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-12-15. Miġbur 2021-03-24.
- ^ Audrey L. Altstadt. The Azerbaijani Turks: power and identity under Russian rule. Hoover Press, 1992. ISBN 0817991824, 9780817991821.
- ^ Black Garden, Thomas de Waal, p. 292.
- ^ Black Garden Thomas De Waal, p.15.
- ^ Elizabeth Fuller, Nagorno-Karabakh: The Death and Casualty Toll to Date, RL 531/88, 14 December 1988, pp. 1–2.
- ^ a b ċ de Waal, Thomas (2003). Black Garden: Armenia and Azerbaijan Through Peace and War. New York: New York University Press. ISBN 0-8147-1945-7.
- ^ Lieberman, Benjamin (2006). Terrible Fate: Ethnic Cleansing in the Making of Modern Europe. Chicago: Ivan R. Dee. pp. 284–92. ISBN 1-5666-3646-9.
- ^ The Encyclopedia of World History. Houghton Mifflin Harcourt. 2001. p. 906.
- ^ Roeder, Philip G. (2007). Where nation-states come from: institutional change in the age of nationalism. Princeton University Press. p. 51. ISBN 978-0-691-13467-3.
- ^ "GENERAL". www.hrw.org. Miġbur 2021-03-30.
- ^ "Hsw". www.hrw.org. Miġbur 2021-03-30.
- ^ "By Giving Karabakh Lands to Azerbaijan, Conflict Would Have Ended in '97, Says Ter-Petrosian" (bl-Ingliż). 2011-04-19. Miġbur 2021-03-30.
- ^ "Первый президент Армении о распаде СССР и Карабахе". BBC News Русская служба (bir-Russu). 2011-04-15. Miġbur 2021-03-30.
- ^ Human Rights Watch. Seven Years of Conflict in Nagorno-Karabakh. December 1994, p. xiii, ISBN 1-56432-142-8.
- ^ Refugees, United Nations High Commissioner for. "UNHCR - Document Not Found". UNHCR (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-30.
- ^ De Waal, Thomas (2003). Black Garden (PDF). New York University Press. p. 3.
- ^ "No End in Sight to Fighting in Nagorno-Karabakh". NPR.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-12.
- ^ "Резолюция ПАСЕ по Карабаху: что дальше?" (bl-Ingliż). 2005-02-04. Miġbur 2021-04-12.
- ^ "A/RES/62/243 - E - A/RES/62/243 -Desktop". undocs.org. Miġbur 2021-04-12.
- ^ "EU's Ashton Says Nagorno-Karabakh Elections Illegal". RadioFreeEurope/RadioLiberty (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-12.
- ^ "Bulgarian MEPs Urge EU to Be Proactive in South Caucasus - Novinite.com - Sofia News Agency". www.novinite.com. Miġbur 2021-04-12.
- ^ "PACE - Resolution 2085 (2016) - Inhabitants of frontier regions of Azerbaijan are deliberately deprived of water". assembly.coe.int. Miġbur 2021-04-12.
- ^ Janbazian, Rupen (2016-01-26). "PACE Adopts Anti-Armenian Measure, Rejects Another". The Armenian Weekly (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-12.
- ^ "Azerbaijan military threat to Armenia". www.telegraph.co.uk. Miġbur 2021-04-12.
- ^ Hodge, Nathan (2016-04-02). "A Dozen Die in Armenian Separatist Fighting" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-12.
- ^ "Dozens killed in Nagorno-Karabakh clashes". www.aljazeera.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-12.
- ^ "UN Security Council calls for immediate end to fighting in Nagorno-Karabakh". France 24 (bl-Ingliż). 2020-09-30. Miġbur 2021-04-12.
- ^ Staff, Reuters (2020-11-09). "Ethnic Armenian forces confirm loss of Karabakh's second city, say enemy nearing capital" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-12.
- ^ "Russia Steps In To End War Between 2 Former Soviet Republics". NPR.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-12.
- ^ "Nagorno Karabakh Republic - Country Overview". www.nkrusa.org. Miġbur 2021-04-12.
- ^ a b ċ Zürcher, Christoph (2007). The post-Soviet wars: rebellion, ethnic conflict, and nationhood in the Caucasus. NYU Press. p. 184. ISBN 978-0814797099.
- ^ DeRouen, Karl R. (ed.) (2007). Civil wars of the world: major conflicts since World War II, Volume 2. ABC-CLIO. p. 150. ISBN 978-1851099191.
- ^ "Nagorno-Karabakh | History, Map, & Conflict". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-12.
- ^ Bournoutian, George A. A History of Qarabagh: An Annotated Translation of Mirza Jamal Javanshir Qarabaghi's Tarikh-E Qarabagh. Costa Mesa, CA: Mazda Publishers, 1994, p. 18.
- ^ Miller, Donald E. and Lorna Touryan Miller. Armenia: Portraits of Survival and Hope. Berkeley: University of California Press, 2003 p. 7 ISBN 0-520-23492-8.