Maħres
Maħres hija belt żgħira fit-Tuneżija. L-isem bl-Għarbi Tuneżin ifisser "imkien il-għassa", magħrufa wkoll bħala "El Maħres", b'popolazzjoni ta' madwar 17,000 ruħ. Matul is-sajf, il-popolazzjoni tikber għal madwar 30,000 billi jiġu lura ħafna mill-abitanti tagħha li jkunu jgħixu fid-dijaspora mxerrdin ma' Franza u bnadi oħrajn fl-Ewropa tal-Punent.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Maħres tinsab f'qagħda strateġika bejn żewġ toroq importanti ta' żmien ir-Rumani li kienu jgħaqqdu Kartaġni ma' Lixandra. Il-fortizza Biżantina ta' Junga, li hi s-sit arkeoloġiku waħdieni tax-xorta tiegħu f'dar-reġjun, tibqa' xhieda tas-siwi storiku ta' Maħres.
Isem il-belt ġej mill-funzjoni ta' ħarsien li kellu minn Żmien il-Qedem sal-Perjodu Għarbi. Maħres kellha sehem ewlieni fl-imperu Feniċju fit-Tuneżija bħala port kummerċjali, u dan għen bil-kif sabiex il-Berbari jaqilbu għat-twemmin Nisrani matul il-perjodi tar-Rumani u tal-Biżantini. Matul il-perjodu Aglabita, li fih il-preżenza Għarbija ddominat, Maħres kienet ilqugħ siewi kontra l-invażjonijiet.
Ekonomija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt tgħix bil-koltivazzjoni taż-żebbuġ, b'għasir iż-żejt taż-żebbuġa, bis-sajd, bl-industrija agro-alimentari, bl-industrija tal-għamara, u bil-manifattura tat-tessuti. Wieħed mill-akbar imsaġar taż-żebbuġ tal-Afrika jinsab proprju fit-territorju tal-Maħres.
Barra minn hekk, il-port tas-sajjieda, li kien inawgurat mill-President ta' dak iż-żmien Ħabib Burgiba nhar il-21 ta' April tal-1987, iservi wkoll ta' lok ta' rikreazzjoni għall-abitanti tal-belt, barra milli jaqdi rwol ekonomiku.
Disa' kilometri 'l fuq mill-belt hemm l-impjant tal-gass SIAP, immexxi mill-grupp Britanniku British Gas, li jissupplixxi 50% tal-ħtiġiet tal-gass naturali li għandha t-Tuneżija.
Maħres hija magħrufa għax-xtajta twila tagħha, jisimha x-Xaffar, li hi l-aktar xtajta magħrufa fil-governorat ta' Sfaks. Ix-Xaffar qiegħed tliet kilometri 'l fuq mill-Maħres, u jżuruh l-aktar l-abitanti ta' Sfaks.
Kultura
[immodifika | immodifika s-sors]Maħres hija magħrufa għax ilu sa mill-1988 jospita l-Festival Internazzjonali tal-Arti Plastika kull sajf.