Hideki Yukawa
Hideki Yukawa ForMemRS[1] FRSE (bil-Ġappuniż: 湯川 秀樹, Yukawa Hideki, twieled fit-23 ta' Jannar 1907 – miet fit-8 ta' Settembru 1981) kien fiżiku teoriku Ġappuniż u l-ewwel rebbieħ Ġappuniż tal-Premju Nobel għat-tbassir tiegħu tal-pi meson jew pjon.[2]
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-fiżika hija xjenza li għamlet progress rapidu fis-seklu 20 ... Nixtieq, kif kont nixtieq fl-imgħoddi, li nkun vjaġġatur f'xi art stramba u kolonjalist f'pajjiż ġdid. (mid-daħla tal-awtobijografija ta' Yukawa)
Huwa twieled bħala Hideki Ogawa f'Tokjo u trabba fi Kjoto flimkien ma' żewġ aħwa subien ikbar, żewġ aħwa bniet ikbar, u żewġ aħwa iżgħar. Huwa qara d-Duttrina ta' Konfuċju, u iktar 'il quddiem ta' Lao-Tzu u ta' Chuang-Tzu. Missieru, għal xi żmien, ikkunsidra li jibagħtu f'kulleġġ tekniku minflok f'università peress li "ma kienx student brillanti bħall-aħwa subien ikbar minnu".[3] Madankollu, meta missieru semma din l-idea mal-prinċipal tal-iskola ta' ibnu, il-prinċipal faħħar il-"potenzjal kbir" tiegħu fil-matematika u offra li jadotta lil Yukawa sabiex ikompli b'karriera ta' studjuż. Malli sema' hekk, missieru ħasibha darbtejn.
Yukawa ddeċieda li ma jsirx matematiku meta kien fl-iskola postsekondarja; l-għalliem tiegħu mmarkalu t-tweġiba fl-eżami tiegħu bħala żbaljata meta Yugawa kien wera teorema bil-provi iżda b'mod differenti milli kien mistenni mill-għalliem. Huwa ddeċieda li ma jkomplix b'karriera fil-fiżika sperimentali fil-kulleġġ meta ltaqa' ma' diffikultajiet fil-ħila tal-infiħ tal-ħġieġ, li huwa rekwiżit għall-esperimenti fl-ispettroskopija.
Fl-1929, wara li rċieva l-lawrija tiegħu mill-Università Imperjali ta' Kjoto, huwa baqa' jaħdem fl-università bħala lekċerer għal erba' snin. Wara li ggradwa, huwa kien interessat fil-fiżika teorika, b'mod partikolari fit-teorija tal-partiċelli elementari.[4] Fl-1932 iżżewweġ lil Sumi Yukawa (スミ). Skont id-drawwiet Ġappuniżi ta' dak iż-żmien, peress li kien ġej minn familja b'ħafna subien iżda missieru tar-rispett Genyo ma kellux ulied subien, huwa ġie adottat minn Genyo u bidel kunjomu minn Ogawa għal Yukawa. Il-koppja kellha żewġ ulied subien, Harumi u Takaaki. Fl-1933 huwa sar assistent professur fl-Università ta' Osaka, meta kellu 26 sena.
Fl-1935 huwa ppubblika t-teoriji tiegħu dwar il-mesoni, li kienu jispjegaw l-interazzjoni bejn il-protoni u n-newtroni, u kienu influwenza ewlenija fuq ir-riċerka dwar il-partiċelli elementari. Fl-1940 huwa sar professur fl-Università ta' Kjoto. Fl-1940 huwa rebaħ il-Premju Imperjali tal-Akkademja tal-Ġappun u fl-1943 ingħata l-Unur tal-Mertu Kulturali mill-gvern Ġappuniż. Fl-1949 huwa sar professur fl-Università ta' Columbia, u fl-istess sena ngħata l-Premju Nobel għall-Fiżika, wara l-iskoperta minn Cecil Frank Powell, Giuseppe Occhialini u César Lattes tal-pi meson imbassar fl-1947 minn Yukawa. Yukawa ħadem ukoll fuq it-teorija tal-qbid-K, fejn elettron b'enerġija baxxa jiġi assorbit min-nukleu, wara t-tbassir inizjali tagħha minn G. C. Wick.[5]
[Ladarba kont ippubblikajt id-dokument ewlieni tiegħi fl-1934 dwar l-interazzjoni tal-partiċelli] ħassejtni bħal vjaġġatur li jieqaf jistrieħ u jieħu t-te fil-quċċata ta' muntanja. Dak iż-żmien ma kontx qed naħseb jekk kienx hemm iktar muntanji lil hinn. [mill-konklużjoni tal-awtobijografija ta' Yukawa]
Yukawa sar l-ewwel President tal-Istitut ta' Yukawa għall-Fiżika Teorika fl-1953. Ingħata Dottorat honoris causa mill-Università ta' Pariġi u sar membru onorarju fis-Soċjetà Rjali, fis-Soċjetà Rjali ta' Edinburgu, fl-Akkademja Indjana tax-Xjenzi, fl-Akkademja Internazzjonali tal-Filosofija u x-Xjenzi u fil-Pontificia Academia Scientiarum.
Huwa kien editur tal-Progress tal-Fiżika Teorika, u ppubblika l-kotba Introduzzjoni għall-Mekkanika Kwantistika (1946) u Introduzzjoni għat-Teorija tal-Partiċelli Elementari (1948).[6]
Fl-1955 huwa ngħaqad ma' għaxar xjenzati u intellettwali ewlenin oħra fl-iffirmar tal-Manifest ta' Russell-Einstein, li appella għad-diżarmament nukleari.
Yukawa rtira mill-Università ta' Kjoto fl-1970 bħala Professur Emeritu. Minħabba li kulma jmur is-saħħa tiegħu abbandunatu, fl-aħħar snin ta' ħajtu deher fil-pubbliku f'siġġu bir-roti. Huwa miet f'daru f'Sakyo-ku, Kjoto, fit-8 ta' Settembru 1981 minħabba polmonite u ċediment tal-qalb meta kellu 74 sena. Il-qabar tiegħu jinsab f'Higashiyama-ku, Kjoto.
Il-vjolinista solista Diana Yukawa (ダイアナ湯川) tiġi minn Hideki Yukawa.
Rikonoxximenti
[immodifika | immodifika s-sors]- 1940 – Premju Imperjali tal-Akkademja tal-Ġappun
- 1941 – Premju Akkademiku Noma
- 1943 – Ordni tal-Kultura
- 1949 – Premju Nobel għall-Fiżika
- 1963 – Elett Membru Barrani tas-Soċjetà Rjali (ForMemRS)
- 1964 – Medalja Lomonosov tad-Deheb
- 1967 – Premju għall-mertu Pour le Mérite
- 1967 – Medalja tal-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi
- 1977 – Gran Kurdun tal-Ordni tat-Tlugħ ix-Xemx
- 1981 – Junior Second Rank (fit-8 ta' Settembru; wara mewtu)
Biblijografija
[immodifika | immodifika s-sors]- Profiles of Japanese science and scientists, 1970 – supervisory editor: Hideki Yukawa (1970).
- Creativity and intuition: a physicist looks at East and West by Hideki Yukawa; translated by John Bester (1973).
- Scientific works (1979).
- Tabibito (旅人) – The Traveler by Hideki Yukawa; translated by L. Brown & R. Yoshida (1982), ISBN 9971-950-10-3.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Kemmer, Nicholas (1983-11-01). "Hideki Yukawa, 23 January 1907 - 8 September 1981". Biographical Memoirs of Fellows of the Royal Society. 29: 660–676.
- ^ "The Nobel Prize in Physics 1949". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-08.
- ^ Yukawa, Hideki (1982). Tabibito (旅人) = The Traveler. World Scientific. pp. 46–47 & 118, 121–123, 10, Foreword, 141 & 163.
- ^ Yukawa, H. (1935). "On the Interaction of Elementary Particles". Proc. Phys.-Math. Soc. Jpn. 17 (48).
- ^ Segré, Emilio (1987) "K-Electron Capture by Nuclei", pp. 11–12, chapter 3 in Discovering Alvarez: selected works of Luis W. Alvarez, with commentary by his students and colleagues, Luis W. Alvarez and W. Peter Trower, University of Chicago Press. ISBN 0-226-81304-5.
- ^ Yukawa Institute for Theoretical Physics; Gakkai, Nihon Butsuri (1946). Progress of Theoretical Physics. Kjoto: Yukawa Institute for Theoretical Physics and Physical Society of Japan.