Aqbeż għall-kontentut

Giorgio Vasari

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Giorgio Vasari
pittur tal-familji nobbli

Ħajja
Isem propju Giorgio II Vasari
Twelid Arezzo, 30 Lulju 1511
Nazzjonalità Repubblika ta' Firenze
Gran Dukat tat-Toskana
Mewt Firenze, 27 Ġunju 1574
Familja
Missier Antonio Vasari
Omm Maddalena Tacci
Konjuga/i Niccolosa Bacci (en) Translate
Familja
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Għalliema Guillaume de Marcillat
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
arkitett
storiku tal-arti
kittieb
bijografu
teoriku tal-arti
estetista
disinjatur tal-bini
artist viżiv
Post tax-xogħol Arezzo
Bolonja
Firenze
Napli
Pisa
Pistoia
Rimini
Ruma
Venezja
Xogħlijiet importanti Uffizi
Ħajjiet tal-Iktar Pitturi, Skulturi u Arkitetti Eċċellenti
Premjijiet
Sħubija Accademia delle Arti del Disegno (en) Translate
Moviment Rinaxximent
Moviment artistiku pittura storika
pittura reliġjuża
ritratt

Giorgio Vasari ([ˈdʒordʒo vaˈzaːri]; twieled fit-30 ta’ Lulju 1511 – miet fis-27 ta’ Ġunju 1574) kien pittur, arkitett, inġinier, kittieb u storiku Taljan magħruf l-iktar għall-kitba tiegħu Le Vite de' più eccellenti pittori, scultori, ed architettori (Il-Ħajjiet tal-Iktar Pitturi, Skulturi u Arkitetti Eċċellenti), li huwa meqjus bħala t-twaqqif ideoloġiku tal-kitbiet artistiċi storiċi, u bażi għall-bijografiji ta’ diversi artisti tar-Rinaxximent fosthom Leonardo da Vinci. Vasari ddisinja l-Qabar ta’ Mikelanġlu fil-Bażilika ta’ Santa Croce, f’Firenze, li tlesta fl-1578. Abbażi tat-test ta’ Vasari dwar il-mod ġdid kif kien ipitter Giotto, Jules Michelet issuġġerixxa għall-ewwel darba t-terminu Renaissance (Rinaxximent) fl-Histoire de France (1835) tiegħu, terminu li ġie adottat mill-istorjografija u li għadu jintuża sa llum.[1]

Vasari twieled qabel iż-żmien fit-30 ta’ Lulju 1511 f’Arezzo, it-Toskana.[2] Irrakkomandat ta’ età żgħira minn kuġinuh Luca Signorelli, huwa sar student ta’ Guglielmo da Marsiglia, pittur tal-ħġieġ ikkulurit ta’ ħila kbira.[3][4] Vasari ntbagħat Firenze tal-età ta’ sittax-il sena mill-Kardinal Silvio Passerini, u ssieħeb mal-grupp ta’ Andrea del Sarto u l-istudenti tiegħu Rosso Fiorentino u Jacopo Pontormo, fejn ġie mħeġġeġ ikompli bl-edukazzjoni umanista tiegħu. Huwa sar ħbieb ma’ Mikelanġlu, li influwenzah bl-istil tal-pittura tiegħu. Huwa miet fis-27 ta’ Ġunju 1574 f’Firenze, il-Gran Dukat tat-Toskana, tal-età ta’ 62 sena.[2]

Il-pittura Sitt Poeti Toskani ta’ Giorgio Vasari, għall-ħabta tal-1544[5]

Fl-1529, huwa żar Ruma fejn studja x-xogħlijiet ta’ Raffaello u ta’ artisti oħra tar-Rinaxximent Għoli Ruman. Il-pitturi Manjeristi ta’ Vasari stess kienu iktar ammirati matul ħajtu milli wara. Fl-1547 huwa temm is-sala tal-binja diplomatika fil-Palazzo della Cancelleria f’Ruma bl-affreski u din ingħatat l-isem ta’ Sala dei Cento Giorni (Sala tal-Mitt Jum).[4]

Il-pittura Il-Ġnien ta’ Ġetsemani ta’ Vasari

Huwa ġie impjegat b’mod konsistenti mill-familja Medici f’Firenze u f’Ruma, u ħadem f’Napli (pereżempju fuq is-Sagristija ta’ Vasari), f’Arezzo u f’postijiet oħra. Ħafna mill-pitturi tiegħu għadhom jeżistu, u l-iktar importanti huma l-pitturi ta’ mal-ħajt u mas-saqaf fis-Sala di Cosimo I (Sala ta’ Cosimo I) fil-Palazzo Vecchio f’Firenze, fejn hu u l-assistenti tiegħu ħadmu mill-1555, u l-affreski mibdija minnu fil-koppla enormi tal-Katidral ta’ Firenze li ntemmew minn Federico Zuccari u bl-għajnuna ta’ Giovanni Balducci. Huwa għen ukoll biex tiġi organizzata d-dekorazzjoni tal-iStudiolo, issa assemblat mill-ġdid fil-Palazzo Vecchio.[4]

F’Ruma huwa pitter affreski fis-Sala Regia.

Fost l-istudenti jew segwaċi oħra tiegħu kien hemm Sebastiano Flori, Bartolomeo Carducci, Domenico Benci, Tommaso del Verrocchio, Federigo di Lamberto (Federigo del Padovano), Niccolo Betti, Vittor Casini, Mirabello Cavalori (Salincorno), Jacopo Coppi (Jacopo di Meglio), Piero di Ridolfo, Stefano Veltroni da Monte San Savino, Orazio Porta da Monte San Savino, Alessandro Fortori da Arezzo, Bastiano Flori da Arezzo, Fra Salvatore Foschi da Arezzo, u Andrea Aretino.[6]

Il-loġġa tal-Uffizi

Apparti l-karriera tiegħu bħala pittur, Vasari kien ukoll arkitett ta’ suċċess.[7] Il-loġġa tiegħu tal-Palazzo degli Uffizi tul ix-xmara Arno tagħti għall-veduta fit-tarf nett tal-bitħa twila u dejqa tagħha. Għandha ppjanar urban uniku, tiffunzjona bħala pjazza pubblika, u jekk titqies bħala triq qasira, hija triq Rinaxximentali unika bi trattament arkitettoniku unifikat. Il-veduta tal-Loġġa mill-Arno tiżvela li, flimkien mal-Kuritur ta’ Vasari, hija waħda mill-ftit strutturi tul ix-xmara li huma miftuħin u li jagħtu fuq ix-xmara stess, u li jidhru li jħaddnu l-ambent tax-xmara.

F’Firenze, Vasari bena wkoll il-passaġġ twil, li issa jissejjaħ il-Kuritur ta’ Vasari, li jikkollega l-Uffizi ma’ Palazzo Pitti fuq in-naħa l-oħra tax-xmara. Il-kuritur imsaqqaf jgħaddi tul ix-xmara Arno fuq arkata, jaqsam il-pont l-antik (Ponte Vecchio) u jserrep mal-ġenb ta’ bosta binjiet.[8]

Vasari wettaq ir-rinnovazzjoni tal-knejjes Medjevali ta’ Santa Maria Novella u ta’ Santa Croce. Fit-tnejn li huma neħħa l-ħitan diviżorji, u mmudella mill-ġdid il-korijiet ta’ wara skont il-gost Manjeristiċi ta’ dak iż-żmien. F’Santa Croce, huwa pitter L-Adorazzjoni tal-Maġi li ġiet ikkummissjonata mill-Papa Piju V fl-1566 u li tlestiet fi Frar 1567. Reċentement il-pittura ġiet irrestawrata, qabel ma ntweriet fl-2011 f’Ruma u f’Napli. Eventwalment se terġa’ ssib postha fil-knisja ta’ Santa Croce f’Bosco Marengo (il-Provinċja ta’ Alessandria, Piemonte).

Fl-1562 Vasari bena l-koppla ottagonali tal-Bażilika tal-Madonna tal-Umiltà f’Pistoia, eżempju importanti tal-arkitettura Rinaxximentali għolja.[9]

F’Ruma, Vasari ħadem ma’ Giacomo Barozzi da Vignola u Bartolomeo Ammannati fil-Villa Giulia ta’ Papa Ġulju III.

Il-Ħajjiet tal-Iktar Pitturi, Skulturi, u Arkitetti Eċċellenti

[immodifika | immodifika s-sors]
Qoxra tal-Ħajjiet

Vasari spiss jissejjaħ bħala “l-ewwel storiku tal-arti”.[10] Huwa vvinta l-ġeneru tal-enċiklopedija tal-bijografiji artistiċi bil-kitba tiegħu Le Vite de' più eccellenti pittori, scultori, ed architettori (Il-Ħajjiet tal-Iktar Pitturi, Skulturi, u Arkitetti Eċċellenti), iddedikata lill-Gran Duka Cosimo I de' Medici, li ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fl-1550. Huwa kien l-ewwel persuna li uża t-terminu “Rinaxximent” f’dokument stampat – għalkemm kien hemm kuxjenza dwar “it-twelid mill-ġdid” li kien qed iseħħ fl-arti, minn żmien Alberti – u kien responsabbli għall-użu modern tat-terminu arti Gotika. Il-Ħajjiet inkludiet ukoll rendikont innovattiv dwar il-metodi tekniċi li kienu jintużaw fl-arti. Il-kitba ġiet parzjalment miktuba mill-ġdid u mkabbra fl-1568, biż-żieda ta’ ritratti tal-artisti.[11]

Il-kitba xxaqleb b’mod konsistenti u notevoli favur il-Fjorentini, u kemm-il darba tattribwilhom l-iżviluppi kollha fl-arti Rinaxximentali – pereżempju l-invenzjoni tal-inċiżjoni. L-arti Venezjana b’mod partikolari (flimkien mal-arti minn inħawi oħra tal-Ewropa), tiġi injorata sistematikament fl-ewwel edizzjoni. Bejn l-ewwel u t-tieni edizzjonijiet, Vasari żar Venezja u filwaqt li t-tieni edizzjoni tat iktar attenzjoni lill-arti Venezjana (fejn fl-aħħar ġie inkluż Tizjanu), dan sar mingħajr puntidivista newtrali. Hemm ukoll bosta żbalji fil-Ħajjiet. Pereżempju, Vasari jikteb li Andrea del Castagno qatel lil Domenico Veneziano, li mhux vera, peress li Andrea miet diversi snin qabel Domenico. F’eżempju ieħor, il-bijografija ta’ Giovanni Antonio Bazzi miktuba minn Vasari, li hu jsejjaħ "Il Soddoma", ippubblikata biss fit-tieni edizzjoni tal-Ħajjiet (1568) wara l-mewt ta’ Bazzi, tikkundanna lill-artista bħala immorali, bestjali u van. Vasari jmaqdar ix-xogħol ta’ Bazzi bħala wieħed għażżien u offensiv, minkejja li l-Papa Ljun X għamlu Cavaliere di Cristo u kien ingħata kummissjonijiet importanti għal Villa Farnese u siti oħra.[12]

Il-Qabar ta’ Mikelanġlu f’Santa Croce

Il-bijografiji ta’ Vasari miżgħuda zekzik divertenti. Ħafna mill-aneddoti tiegħu huma veri, filwaqt li oħrajn huma invenzjonijiet jew fizzjoni ġenerika, bħall-ġrajja ta’ Giotto żagħżugħ ipitter dubbiena fuq is-superfiċe ta’ pittura ta’ Cimabue li dan tal-aħħar kemm-il darba pprova jħassar, li hija ġrajja li tirrifletti aneddoti simili tal-pittur Grieg Apelles. Vasari ma kienx iwettaq riċerka fl-arkivji għad-dati preċiżi, kif issa jagħmlu l-istoriċi moderni tal-arti, u naturalment il-bijografiji tiegħu huma iktar preċiżi fir-rigward tal-pitturi tal-ġenerazzjoni tal-awtur u tal-passat immedjat. Il-kritika moderna – permezz ta’ materjali ġodda abbażi tar-riċerka – ikkoreġiet ħafna mid-dati u mill-attribuzzjonijiet tradizzjonali tiegħu.

Vasari jinkludi abbozz tal-bijografija tiegħu stess fl-aħħar tal-Ħajjiet, u jżid iktar dettalji dwaru u dwar il-familja tiegħu.

Skont l-istoriku Richard Goldthwaite[13], Vasari kien wieħed mill-ewwel awturi li uża t-terminu “kompetizzjoni” (concorrenza bit-Taljan) fis-sens ekonomiku tiegħu. Użah kemm-il darba, u saħaq x’inhu l-kunċett fl-introduzzjoni tiegħu dwar il-ħajja ta’ Pietro Perugino, meta spjega għaliex l-arti Fjorentina kienet daqshekk prominenti. Fil-fehma ta’ Vasari, l-artisti Fjorentini spikkaw u kienu eċċellenza għaliex kienu għatxana, u kienu għatxana minħabba l-kompetizzjoni ħarxa bejniethom għall-kummissjonijiet. Il-kompetizzjoni, skont Vasari, hija “waħda mill-affarijiet li sseddaqhom”.

Pożizzjoni soċjali

[immodifika | immodifika s-sors]

Vasari kellu reputazzjoni tajba ħafna matul ħajtu kollha u akkumula ġid konsiderevoli. Fl-1547, huwa bena dar lussuża għalih innifsu f’Arezzo (li issa hija mużew dwaru), u żejjen il-ħitan u l-volti tagħha bil-pitturi. Huwa ġie elett fil-kunsill muniċipali ta’ raħal twelidu, u finalment laħaq il-kariga suprema ta’ gonfaloniere. Huwa ngħata l-unur mill-Papa li jsir Kavallier tal-Ixprun tad-Deheb. Vasari żżewweġ lil Niccolosa Bacci, membru ta’ waħda mill-iktar familji sinjuri u prominenti f’Arezzo.

Fl-1563, huwa għen biex titwaqqaf l-Accademia e Compagnia delle Arti del Disegno ta’ Firenze, bil-Gran Duka u Mikelanġlu bħal kapijiet tal-istituzzjoni u 36 artist bħala membri.[14]

  • The Lives of the Artists Oxford University Press, 1998. ISBN 0-19-283410-X
  • Lives of the Painters, Sculptors and Architects, Volumes I and II. Everyman's Library, 1996. ISBN 0-679-45101-3
  • Vasari on Technique. Dover Publications, 1980. ISBN 0-486-20717-X
  • Life of Michelangelo. Alba House, 2003. ISBN 0-8189-0935-8
  • Reading Vasari, eds. Anne B. Barriault, Andrew T. Ladis, Norman E. Land, and Jeryldene M. Wood (London: Philip Wilson, 2005)
  • The Ashgate Research Companion to Giorgio Vasari, ed. David J. Cast (Surrey: Ashgate, 2014)
  1. ^ Michelet, Jules (1835). Histoire de France: Renaissance. VII. Paris.
  2. ^ a b Gaunt, W. (ed.) (1962) Everyman's dictionary of pictorial art. Volume II. London: Dent, p. 328. ISBN 0-460-03006-X
  3. ^ "Art in Tuscany | Giorgio Vasari and Italian Renaissance painting | Podere Santa Pia, Holiday house in the south of Tuscany". www.travelingintuscany.com. Miġbur 2021-06-28.
  4. ^ a b ċ Vasari, Giorgio. 27. Miġbur 2021-06-28.
  5. ^ "Six Tuscan Poets, Giorgio Vasari ^ Minneapolis Institute of Art". collections.artsmia.org. Miġbur 2021-06-28.
  6. ^ Lanzi, Luigi; Roscoe, Thomas (1847). The History of Painting in Italy: The Florentine, Sienese, and Roman schools (bl-Ingliż). H.G. Bohn. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  7. ^ Lawrence Gowing, Biographical Encyclopedia of Artists, v.4 (Facts on File, 2005): 695.
  8. ^ Pevsner, N., A History of Building Types, Princeton University Press, 1979, p. 235.
  9. ^ The Christian Travelers Guide to Italy by David Bershad, Carolina Mangone, Irving Hexham, 2001, ISBN 0-310-22573-6
  10. ^ "Dictionary of Art Historians". Dictionary of Art Historians (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-28.
  11. ^ Vasari, Giorgio. (1907) Vasari on technique: being the introduction to the three arts of design, architecture, sculpture and painting, prefixed to the Lives of the most excellent painters, sculptors and architects. G. Baldwin Brown Ed. Louisa S. Maclehose Trans. London: Dent.
  12. ^ Zarucchi, Jeanne Morgan (2015). "Vasari's Biography of Bazzi as 'Soddoma:' Art History and Literary Analysis". Italian Studies. 70:2 (2): 167–190.
  13. ^ Richard Goldthwaite, The Economy of Renaissance Florence, 2009, p. 390.
  14. ^ Gauvin Alexander Bailey, ‘Santi di Tito and the Florentine Academy: Solomon Building the Temple in the Capitolo of the Accademia del Disegno (1570-71),’ Apollo CLV, 480 (February 2002): 31-39.