Għar ta' Karain
L-Għar ta' Karain (bit-Tork: Karain Mağarası) huwa sit arkeoloġiku Paleolitiku li jinsab fil-villaġġ ta' Yağca, 27 kilometru fil-Majjistral tal-belt ta' Antalya fir-reġjun Mediterran tat-Turkija.
Ħarsa ġenerali
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sit preistoriku tal-Għar ta' Karain jinsab 430 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar u madwar 80 metru 'l fuq mix-xaqliba tal-Lvant tal-muntanja Sam Dağı (Katran), fejn iż-żona tal-ġebla tal-ġir tal-muntanji Taurus tal-Punent tikkonfina mal-Pjanura tat-Travertin. L-Għar ta' Karain huwa kumpless ta' għerien li jikkonsisti fi tliet kompartimenti u kurituri prinċipali, isseparati minn ħitan tal-kalċit, kurvi dojoq u passaġġi. Xi kompartimenti u galleriji fihom xi speleotemi. Is-sit huwa wieħed mis-siti indikattivi tat-Turkija biex fil-ġejjieni jiġi nnominat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Insedjament
[immodifika | immodifika s-sors]Framment ta' kranju tan-Neandertal ġie skopert hawnhekk u jikkonferma li l-għar kien abitat fil-Paleolitiku bikri bejn 150,000 u 200,000 sena ilu.[2][3] Ir-riċerkaturi ddokumentaw il-kontinwità ta' preżenza tal-bniedem fl-għar għal perjodu ta' iktar minn 25,000 sena, mill-Mesolitiku, għan-Neolitiku u l-Kalkolitiku, sa Żmien il-Bronż. Jingħad li x'aktarx matul żmien il-kolonizzazzjoni ta' Asja Minuri min-naħa tal-Griegi (Żmien il-Ħadid), l-għar kellu funzjoni reliġjuża, kif jissuġġerixxu l-kitbiet bil-Grieg u t-tiżjin, li ġew imnaqqxa fil-blat quddiem id-daħla.[4]
Artefatti
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-Għar ta' Karain ġew skoperti xfafar, barraxa u ponot tal-vleġeġ taż-żnied Paleolitiċi u Neolitiċi, uħud minnhom magħmula bit-teknika ta' Levallois. Fis-saffi sussegwenti nstabu figurini litiċi u skulturi bl-għadam, li jissuġġerixxu rabtiet mal-kultura Hacilar fil-qrib. L-attenzjoni tar-riċerkaturi nġibdet b'mod partikolari lejn it-tinqix ta' wiċċ uman, stilistikament simili għall-prodotti tal-kultura Natufjana li ffjorixxiet fil-Lvant matul il-perjodu Mesolitiku. Din l-iskoperta jaf tikkorrobora relazzjoni kummerċjali tal-popolazzjonni tan-Nofsinhar tal-Asja Minuri u l-Palestina.[4]
Il-Mużew taċ-Ċivilizzazzjonijiet tal-Anatolja fil-belt kapitali Ankara fih kollezzjoni estensiva ta' artefatti mill-Għar ta' Karain.[5]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Karain Cave". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-23.
- ^ XVIII. International symposium on excavation, research and archaeometry, The importance of Anatolian Paleolithic under the light of 1985-1995 Karain excavations, Dr. Kadriye Özçelik, Işın Yalçınkaya et al. (is-27 ta' Mejju 1996)
- ^ XXVI. International symposium on excavation, research and archaeometry, 2003 Karain excavations, Dr. Kadriye Özçelik, Işın Yalçınkaya et al. (l-24 ta' Mejju 2004)
- ^ a b "Karain Cave | Turkish Archaeological News". turkisharchaeonews.net. Miġbur 2022-03-23.
- ^ "Museum of Anatolian Civilizations". museums.eu (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-23.