UEFA Europa League
Staġun jew kompetizzjoni attwali: UEFA Europa League 2024–25 | |
Sport | Futbol |
---|---|
Fundazzjoni | 1971 (2009 taħt il-format attwali) |
Nru. ta' timijiet |
32 (fażi tal-gruppi) 58 (total) |
Reġjun | Ewropa (UEFA) |
Ċampjin attwali | Atalanta BC (l-1 titlu) |
L-aktar rebħiet | Sevilla (6 titli) |
Sit elettroniku | Sit uffiċjali |
Il-UEFA Europa League hi tieni l-ikbar kompetizzjoni Ewropea għall-klabbs tal-futbol wara l-UEFA Champions League. Din hi kompetizzjoni annwali għall-klabbs Ewropej organizzata mill-Unjoni Ewropea tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol (UEFA). Il-klabbs jikkwalifikaw għal din il-kompetizzjoni bbażat skont il-prestazzjoni tagħhom fil-kampjonat nazzjonali u t-tazzi nazzjonali.
Preċedentament imsejħa bħala t-Tazza UEFA, il-kompetizzjoni, minn Ġunju tal-2009, għall-istaġun tal-futbol 2009–10 bdiet tissejjaħ Europa League,[1][2] wara li saret bidla fil-format. Għal raġunijiet ta' żammm ta' rekords min-naħa tal-UEFA, l-Europa League u t-Tazza UEFA huma kkunsidrati bħala l-istess kompetizzjoni, bil-bdil fl-isem ikun sempliċement bidla fit-titlu tal-marka.
Il-kompetizzjoni bdiet fl-1971 u postha ħaditu t-Tazza tal-Fieri. Għall-fini ta' rekords, il-UEFA tirrikonoxxi t-Tazza tal-Fieri bħala predeċessur dirett tat-Tazza UEFA. Fl-1999, it-Tazza tat-Tazez Ewropej ġiet abolita u mwaħħda mat-Tazza UEFA. Għall-kompetizzjoni tal-2005–06 ġiet miżjuda l-fażi tal-gruppi għal qabel l-istadju eliminatorju. Il-format il-ġdid tal-2009 se jara t-twaħħid tat-Tazza Intertoto li se jipproduċi format aktar estensiv, b'fażi tal-gruppi ikbar u tibdil fil-kriterji ta' kwalifikazzjoni.
Atlético Madrid ta' Spanja huma attwalment iċ-ċampjins renjanti tal-kompetizzjoni wara li fil-finali tat-12 ta' Mejju 2010 għelbu lill-Ingliżi ta' Fulham, fl-ewwel edizzjoni taħt l-isem il-ġdid tal-UEFA Europa League.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tazza UEFA intlagħbet għall-ewwel darba fl-istaġun 1971–72, bit-tim Ingliż ta' Tottenham Hotspur ikun l-ewwel rebbieħ. Ir-regola ta' 'klabb wieħed għal kull belt', li ntirtet mit-Tazza tal-Fieri, ġiet abolita fl-1975. Il-klabb Ingliż ta' Everton spiċċa r-raba' fil-kampjonat Ingliż u b'hekk seta' jikkwalifika, imma ċċaħdu minn din l-opportunità hekk kif ir-rivali lokali ta' Liverpool kienu wkoll ikkwalifikaw meta spiċċaw it-tieni. Everton appellaw li r-regola kienet inġusta u l-UEFA qablu li jdwaru din id-deċiżjoni.
Il-kompetizzjoni kien tradizzjonalment miftuħa għat-tieni klassifikati fil-kampjonati domestiċi, imma l-kompetizzjoni fl-1999 ġiet magħquda mal-kompetizzjoni preċedenti tal-UEFA, it-Tazza tat-Tazez Ewropej. Minn dakinhar, ir-rebbieħa tat-tazez nazzjonali daħlu wkoll fit-Tazza UEFA. Barra minn hekk, il-klabbs eliminati fit-tielet rawnd ta' kwalifikazzjoni għall-UEFA Champions League u t-timijiet li jispiċċaw fit-tielet post tal-fażi tal-gruppi jkomplu jikkompetu fit-Tazza UEFA. Ammessi f'din il-kompetizzjoni huma wkoll tliet rappreżentanti tal-Fair Play, ħdax-il rebbieħ tat-Tazza Intertoto, u r-rebbieħa ta' xi kompetizzjonijet tal-League Cup.
Ir-rebbieħa jżommu t-trofew għal sena qabel ma jerġgħu jagħtuh lill-UEFA. Wara li jirritornawh lura, il-klabb jirċievi replika tat-trofew oriġinali fi skala ta' erba' kwinti. Ir-regoli jgħidu wkoll li t-trofew oriġinali jingħata lil kwalunkwe klabb li jirbaħ it-Tazza UEFA għal tliet darbiet wara xulxin jew ħames darbiet fl-istorja, minkejja li mill-2008 din għadha ma seħħitx.
Erba' timijiet rebħu t-Tazza UEFA flimkien mal-kampjonat nazzjonali u t-tazza nazzjonali fl-istess sena, b'dawn ikunu IFK Göteborg fl-1982, Galatasaray fl-2000, Porto fl-2003 u CSKA Moscow fl-2005. Din il-kisba hi magħrufa bħala tripletta li Galatasaray biss irnexxielhom ikompluha bis-Supertazza Ewropea. Aktar minn hekk Ajax u Galatasaray huma l-uniċi żewġ timijiet li rebħu t-tazza mingħajr ma tilfu matul il-kompetizzjoni u kif ukoll Espanyol, li minkejja li spiċċaw finalisti telleifa, waslu sal-finali mingħajr ma jsofru telfa.
Mill-istaġun 2009–10 'il quddiem, il-kompetizzjoni ġiet rinominata għal UEFA Europa League.[1][2] Il-kompetizzjoni se titwaħħad mat-Tazza Intertoto, kompetizzjoni tat-tielet livell tal-UEFA.
Trofew
[immodifika | immodifika s-sors]It-trofew, li jiżen 15-il kg, mingħajr il-mankijiet, huwa poġġut fuq bażi ta' rħama safra. Ġie iddisinjat u maħdum mil-laboratorji Bertoni ta' Milan għall-finali tal-1972 għal spiża ta' 23,000 Ewro. It-trofew juri kif mill-bażi tal-irħama joħorġu grupp ta' plejers li jidhru li qed jisfidaw lil xulxin biex jilħqu l-ballun. Fil-fatt, dawn isostnu t-tazza ottagonali li tirrafigura l-emblema tal-UEFA.
Format
[immodifika | immodifika s-sors]Il-format attwali tal-kompetizzjoni ġie adottat għall-istaġun 2004–05. Il-bidla maġġuri kienet l-introduzzjoni ta' fażi tal-gruppi u żewġ rawnds ta' kwalifika minflok waħda. Aktar tibdiliet saru għall-istaġun 2006–07 minħabba li saru tibdiliet fil-format tat-Tazza Intertoto. Mill-bidu tal-istaġun 2009–10, il-UEFA iddeċidiet li tbiddel għal format ta' tnax-il grupp ta' erba' timijiet fit-tieni rawnd minflok il-format preċedenti ta' tmien gruppi u ħames timijiet.[3]
Formati storiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kompetizzjoni kienet tradizzjonalment turnew ta' eliminazzjoni diretta. Kull konfront kien jintlagħab fuq bażi ta' żewġ partiti, fosthom il-finali wkoll. Mill-1998, il-finali bdiet tintlagħab fuq partita waħda, imma l-konfronti l-oħra baqgħu fuq żewġ partiti.
Qabel l-istaġun 2004–05, it-turnew kien jikkonsisti minn rawnd wieħed ta' kwalifikazzjoni, segwit minn serje ta' rawnds eliminatorji. Is-sittax-il tellief fit-tielet rawnd ta' kwalifika għaċ-Champions League kienu jidħlu fl-ewwel rawnd; aktar tard fil-kors tat-turnew, mat-tim li jkunu salvaw fil-fażijiet suċċessivi jingħaqdu magħhom it-timijiet li jkunu temmew il-fażi tal-gruppi taċ-Champions League fit-tielet post.
Qabel ir-riforma tal-2009, it-Tazza UEFA kienet tibda b'żewġ rawnds ta' kwalifika li jsiru f'Lulju u Awwissu. Parteċipanti li jagħmlu parti mill-assoċjazzjonijiet klassifikati mit-18-il post 'l isfel jidħlu fl-ewel rawnd, waqt li għat-tieni rawnd jipparteċipaw timijiet mill-assoċjazzjonijiet ta' bejn id-9 u t-18-il post. Barra minn hekk, tliet postijiet fl-ewwel rawnd kienu jkunu riservati għar-rebbieħa tal-Fair Play u ħdax-il post fit-tieni rawnd ikunu riservati għar-rebbieħa tat-Tazza Intertoto.
Ir-rebbieħa tar-rawnds ta' kwalifika jissieħbu ma' timijiet mill-assoċjazzjonijiet klassifikati mill-1 sat-13-il post. Barra minn hekk, it-telliefa tat-tielet rawnd ta' kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League jidħlu wkoll f'din il-fażi, waqt li post ieħor jiġi riservat għaċ-ċampjins attwali tal-kompetizzjoni. F'dan l-istadju jkun hemm 80 tim.
Wara l-ewwel rawnd, l-40 tim li jibqgħu fil-kompetizzjoni jiġu mqassmin fi tmien gruppi ta' ħamsa. B'differenza mill-fażi tal-gruppi tal-UEFA Champions League, il-fażi tal-gruppi tat-Tazza UEFA tintlagħab fuq format ta' kollha kontra kulħadd, fejn kull klabb jilgħab żewġ partiti ġewwa daru u tnejn oħra barra minn daru. L-aqwa tliet timijiet ta' kull grupp jipprosegwu għar-rawnd segwenti, fejn magħhom jingħaqdu t-timijiet li jkunu kklassifikaw fit-tielet post fil-gruppi rispettivi tagħhom fil-UEFA Champions League.
Wara l-fażi tal-gruppi jkun hemm il-waqfa tax-xitwa. Minn dan il-punt, il-fażi eliminatorja tkompli b'konfronti abbażi ta' żewġ partiti li jwasslu għall-finali, li tintlagħab fuq grawnd newtrali li jilħaq il-kriterji tal-UEFA għal stadju ta' erba' stilel.
Riforma għall-istaġun 2009–10
[immodifika | immodifika s-sors]Mill-istaġun 2009–2010, il-kompetizzjoni ħadet isem ġdid u ssemmiet bħala l-UEFA Europa League.[1]
Format ġdid għall-UEFA Europa League se jiġi introdott għal ċiklu ta' tliet snin, li jibda mill-istaġun 2009–2010. L-ikbar bidla se tkun fażi tal-gruppi bi tnax-il grupp ta' erba' timijiet, minflok tmien gruppi ta' ħamsa.
Anke l-kwalifikazzjoni se titbiddel b'mod sinjifikanti. L-assoċjazzjonijiet ikklassifikati bejn is-7 u d-9 post fil-koeffiċjenti tal-UEFA jibgħatu r-rebbieħa tat-tazza nazzjonali u tliet timijiet oħra għall-kwalifika tal-UEFA Europa League, waqt li l-pajjiżi l-oħra jibgħatu r-rebbieħ tat-tazza nazzjonali u żewġ timijiet oħra, minbarra l-Liechtenstein, l-Andorra u San Marino li minflok se jibgħatu biss r-rebbieħ tat-tazza nazzjonali. Ħafna drabi, it-timijiet l-oħra jkunu l-aqwa timijiet f'kull kampjonat domestiku wara dawk li jkunu kkwalifikaw għall-UEFA Champions League; madanakollu, Franza u l-Ingilterra jidhru li se jkomplu jużaw post minnhom għar-rebbieħ tal-League Cup. Aktar minn hekk, tliet postijiet fl-ewwel mill-erba' rawnds ta' kwalifikazzjoni huma xorta riservati għar-rebbieħa tal-Fair Play. Għall-istaġun inwagurali 2009–2010 dawn il-postijiet se jmorru għal Rosenborg tan-Norveġja, Randers tad-Danimarka u Motherwell tal-Iskozja.
Ġeneralment, aktar mal-assoċjazzjoni tkun għolja fil-koeffiċjenti tal-UEFA, il-klabbs mill-istess assoċjazzjoni jidħlu f'fażi aktar tardiva tal-fażi ta' kwalifika, madanakollu kull tim minbarra ċ-ċampjin kurrenti jrid jilgħab mill-inqas f'rawnd wieħed ta' kwalifika. Barra mit-timijiet imsemmija, 15-il tim ieħor tellief fit-tieni rawnd ta' kwalifika għall-UEFA Champions League jidħlu fir-raba' u l-aħħar stadju ta' kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League, preċedentament magħrfuha bħala l-ewwel rawnd, u l-10 telliefa tat-tielet rawnd ta' kwalifika taċ-Champions League jidħlu direttament fil-fażi tal-gruppi tal-Europa League. It-12-il rebbieħ u 12-il tim klassifikat fit-tieni post jipproċedi għar-rawnd eliminatorju, flimkien ma' tmien timijiet oħra li temmew l-impenji tagħhom fil-fażi tal-gruppi taċ-Champions League fit-tielet post. Il-finalista tellief tat-tazza domestika huwa xorta intitolat li jidħol għall-UEFA Europa League jekk ir-rebbieħ tal-istess tazza jkun ikkwalifika għall-UEFA Champions League.[4]
Finali
[immodifika | immodifika s-sors]† | Ir-rebbieħ rebaħ wara l-ħin supplementari |
* | Ir-rebbieħ rebaħ wara l-għoti tal-penalties |
# | Ir-rebbieħ rebaħ wara l-gowl tad-deheb |
Tipa ħoxna | Tindika r-rebbieħ f'finali abbażi ta' żewġ legs |
Għall-ewwel 25 sena tal-kompetizzjoni, il-finali kienet kontestata fuq żewġ partiti, li jintlagħbu fil-grawnds rispettivi tat-timijiet. Fl-1998, it-tim Taljan ta' Internazionale għeleb lil Lazio fl-ewwel finali li saret fuq bażi ta' konfront wieħed fuq grawnd newtrali, fil-Parc des Princes ta' Pariġi.[5] Tottenham Hotspur rebħu l-finali inawgurali tal-kompetizzjoni fl-1972 meta rebħu lil Wolverhampton Wanderers bi skor aggregat ta' 3–2.[6]
1972–1977: Finali doppja
[immodifika | immodifika s-sors]1998–preżent: Finali unika
[immodifika | immodifika s-sors]Tazza UEFA
[immodifika | immodifika s-sors]Staġun | Tim ġewwa daru | Riżultat | Tim barra minn daru | Stadju | Lokalità |
---|---|---|---|---|---|
1997–98 | Internazionale | 3–0 | Lazio | Parc des Princes | Pariġi, Franza |
1998–99 | Parma | 3–0 | Marseille | Stadju Luzhniki | Moska, Russja |
1999–2000 | Galatasaray İstanbul | 0–0 * | Arsenal | Parken Stadium | Kopenħagen, Danimarka |
2000–01 | Liverpool | 5–4 # | Alavés | Westfalenstadion | Dortmund, Ġermanja |
2001–02 | Feyenoord | 3–2 | Borussia Dortmund | De Kuip | Rotterdam, Olanda |
2002–03 | Porto | 3–2 † | Celtic | Estadio Olímpico de Sevilla | Sevilla, Spanja |
2003–04 | Valencia | 2–0 | Marseille | Nya Ullevi | Gothenburg, Żvezja |
2004–05 | CSKA Moscow | 3–1 | Sporting CP | Estádio José Alvalade | Liżbona, Portugall |
2005–06 | Sevilla | 4–0 | Middlesbrough | Philips Stadion | Eindhoven, Olanda |
2006–07 | Sevilla | 2–2 * | Espanyol | Hampden Park | Glasgow, Skozja |
2007–08 | Zenit Saint Petersburg | 2–0 | Rangers | City of Manchester Stadium | Manchester, Ingilterra |
2008–09 | Shakhtar Donetsk | 2–1 † | Werder Bremen | Stadju Şükrü Saracoğlu | Istanbul, Turkija |
UEFA Europa League
[immodifika | immodifika s-sors]Staġun | Tim ġewwa daru | Riżultat | Tim barra minn daru | Stadju | Lokalità |
---|---|---|---|---|---|
2009–10 | Atlético Madrid | 2–1 † | Fulham | HSH Nordbank Arena | Amburgu, Ġermanja |
2010–11 | Porto | 1–0 | Braga | Aviva Stadium | Dublin, Irlanda |
2011–12 | Atlético Madrid | 3–0 | Athletic Bilbao | Lia Manoliu Arena | Bukarest, Rumanija |
Rebbieħa
[immodifika | immodifika s-sors]Skont il-klabb
[immodifika | immodifika s-sors]Skont il-pajjiż
[immodifika | immodifika s-sors]Pajjiż | Rebħiet | Finali mitlufa |
---|---|---|
Italja | 9 | 6 |
Spanja | 7 | 5 |
Ġermanja | 6 | 8 |
Ingilterra | 6 | 5 |
Netherlands | 4 | 2 |
Portugall | 2 | 3 |
Russja | 2 | 0 |
Żvezja | 2 | 0 |
Belġju | 1 | 2 |
Turkija | 1 | 0 |
Ukrajna | 1 | 0 |
Franza | 0 | 4 |
Skozja | 0 | 3 |
Awstrija | 0 | 1 |
Jugożlavja | 0 | 1 |
Ungerija | 0 | 1 |
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Uefa Cup gets new name in revamp" (bl-Ingliż). BBC. Miġbur 2008-09-26.
- ^ a b "UEFA Cup to become UEFA Europa League" (bl-Ingliż). UEFA. Miġbur 2008-09-26.
- ^ Chaplin, Mark (2007-12-01). "Champions League changes agreed" (bl-Ingliż). UEFA. Miġbur 2009-07-19.
- ^ Format tal-kompetizzjoni 2009/10, UEFA.com
- ^ "2009 final: Istanbul" (bl-Ingliż). UEFA. 2008-05-31. Miġbur 2008-07-09.
- ^ "Spurs keep Wolves at bay" (bl-Ingliż). UEFA. 2006-01-02. Miġbur 2008-06-29.