Djar Ewlenin ta' Victor Horta fi Brussell
Id-Djar Ewlenin ta' Victor Horta fi Brussell huma erbat idjar f'Brussell, il-belt kapitali tal-Belġju, li ġew imniżżla flimkien bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1] L-erbat idjar kollha ġew iddisinjati u nbnew mill-arkitett Belġjan Victor Horta (1861-1947), li kien pijunier tal-istil tal-Art Nouveau matul nofs is-snin 90 tas-seklu 19.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Victor Horta twieled f'Gent, il-Belġju fl-1861 u għex għal diversi snin f'Pariġi qabel ma rritorna lejn il-Belġju biex jaħdem bħala arkitett fl-1880. Huwa kiseb suċċess malajr, ħadem fuq bosta binjiet prestiġjużi, u ngħata għadd ta' karigi uffiċjali, inkluż kariga fl-Università Ħielsa ta' Brussell. Mill-1892, Horta beda jaħdem bl-istil il-ġdid tal-Art Nouveau. Fl-1893, huwa ddisinja d-Dar ta' Tassel (bil-Franċiż: Hôtel Tassel) li hija kkunsidrata bħala l-ewwel eżempju tal-arkitettura tal-Art Nouveau. Huwa applika l-istess stil f'diversi binjiet sussegwenti, inkluż id-Dar ta' Solvay (bil-Franċiż: Hôtel Solvay) li nbniet bejn l-1895 u l-1900, id-Dar ta' van Eetvelde (bil-Franċiż: Hôtel van Eetvelde) li nbniet bejn l-1895 u l-1898, u daru u l-istudjo tiegħu stess (1898). Fost l-arkitetti li kienu ispirat mix-xogħlijiet ta' Horta fi żmienu kienu Antoni Gaudí u Hector Guimard.[2]
Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, Horta mar f'eżilju fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti. Meta reġa' lura l-Belġju, Horta immodifika l-istili tiegħu fil-binjiet sussegwenti, u tbiegħed mill-Art Nouveau favur l-Art Deco jew l-istil tal-Moderniżmu biex jirrifletti l-bidla fil-gosti popolari. Victor Horta miet fl-1947.
Lista
[immodifika | immodifika s-sors]L-erbat idjar inklużi fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huma dawn li ġejjin:
Isem | Ritratt | Indirizz fi Brussell | Deskrizzjoni |
---|---|---|---|
Hôtel Tassel (Dar ta' Tassel) | 6 rue Paul-Emile Janson | Ikkummissjonata mill-Professur Emile Tassel fl-1893, id-Dar ta' Tassel titqies bħala l-ewwel eżempju tal-arkitettura tal-Art Nouveau fid-dinja.[2] | |
Hôtel Solvay (Dar ta' Solvay) | 224 avenue Louise | Inbniet bejn l-1895 u l-1900. | |
Hôtel van Eetvelde (Dar ta' van Eetvelde) | 2–4 avenue Palmerston | Inbniet bejn l-1895 u l-1898. | |
Maison & Atelier Horta (Dar u Studjo ta' Horta) | 23–25 rue Américaine | Inbniet fl-1898; il-binja tospita mużew li jiffoka fuq il-ħajja ta' Horta u hija waħda mill-ftit binjiet tal-arkitett li huma miftuħin għall-pubbliku.[2] |
Fost l-eżempji eżistenti tal-arkitettura tal-Art Nouveau ta' Horta fil-Belġju li mhumiex inklużi fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO hemm id-Dar ta' Max Hallet (bil-Franċiż: Hôtel Max Hallet; 1902) u l-Istabbiliment Kummerċjali (bil-Franċiż: Magasins Waucquez; 1908).
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Djar Ewlenin ta' Victor Horta fi Brussell ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000. Huma fost l-iktar opri pijunieri notevoli tal-arkitettura tal-aħħar tas-seklu 19. Ir-rivoluzzjoni stilistika li jirrappreżentaw dawn l-erba' binjiet hija kkaratterizzata minn pjanta miftuħa, id-diffużjoni tad-dawl, u t-tlaqqigħ brillanti tal-linji tat-tiżjin b'kurvaturi mal-istruttura tal-binjiet. L-erba' binjiet intgħażlu abbażi tal-importanza arkitettonika tagħhom iżda wkoll minħabba l-istat ta' konservazzjoni tagħhom.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Major Town Houses of the Architect Victor Horta (Brussels)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-23.
- ^ a b ċ "Brussels: revisiting the magic of Victor Horta". www.telegraph.co.uk. Miġbur 2021-10-23.