Aqbeż għall-kontentut

Antoine de Saint-Exupéry

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Antoine de Saint-Exupéry
Ħajja
Isem propju Antoine Jean-Baptiste Marie Roger de Saint-Exupéry
Twelid 2nd arrondissement of Lyon (en) Translateu Lyon, 29 Ġunju 1900
Nazzjonalità Franza
L-ewwel lingwa Franċiż
Mewt île de Riouu Baħar Mediterran, 31 Lulju 1944
Kawża tal-mewt mewta aċċidentali (aċċident tal-avjazzjoni)
Familja
Missier Jean Marc de Saint-Exupéry
Omm Marie de Saint-Exupéry
Konjuga/i Consuelo de Saint Exupéry  (22 April 1931 -  31 Lulju 1944)
Aħwa
Tribù familja Saint-Exupéry
Edukazzjoni
Alma mater Lycée Saint-Louis
Notre Dame de Mongré High School (en) Translate
(1914 - 1915)
Villa St. Jean International School (en) Translate
(1915 - 1917)
Lingwi Franċiż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni bdot
rumanzier
kittieb tal-kotba tat-tfal
kittieb
ġurnalist
Illustratur
filosofu
poeta
Impjegaturi Aéropostale  (1926 -  1936)
Paris-Soir (en) Translate  (1934 -  1939)
Xogħlijiet importanti Titjir Billejl
Iċ-Ċkejken Prinċep
Il-Posta tan-Nofsinhar
Art tal-Irġiel
Ittra lil ostaġġ
Titjira lejn Arras
Citadelle (en) Translate
Premjijiet
Sħubija Société des poètes français (en) Translate
Moviment artistiku ħrafa
poeżija
récit (en) Translate
Servizz militari
Fergħa militari French Air Force (en) Translate
Grad commanding officer (en) Translate
Iġġieldu It-Tieni Gwerra Dinjija

Antoine Marie Jean-Baptiste Roger, comte de Saint-Exupéry, magħruf sempliċement bħala de Saint-Exupéry ([ɑ̃twan də sɛ̃t‿ɛɡzypeʁi]; twieled fid-29 ta’ Ġunju 1900 – miet fil-31 ta’ Lulju 1944) kien kittieb, poeta, aristokratiku, ġurnalist u bdot pijunier Franċiż. Huwa ngħata diversi premjijiet letterarji Franċiżi għoljin u rebaħ ukoll il-Premju Nazzjoni tal-Ktieb tal-Istati Uniti. Huwa baqa’ magħruf l-iktar għall-kitba ta’ Iċ-Ċkejken Prinċep/Il-Prinċep iż-Żgħir (Le Petit Prince) u għall-kitbiet liriċi tiegħu tal-avjazzjoni, fosthom Art tal-Irġiel (Terre des hommes) u Titjir Billejl (Vol de Nuit).

Saint-Exupéry kien bdot kummerċjali ta’ suċċess qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, u ħadem fir-rotot tat-trasport tal-posta bl-ajru fl-Ewropa, fl-Afrika, u fl-Amerka t’Isfel. Huwa ssieħeb fil-Forza tal-Ajru Franċiża fil-bidu tal-gwerra, u wettaq missjonijiet ta’ rikonjizzjoni mill-ajru sal-armistizju ta’ Franza mal-Ġermanja fl-1940. Wara li ġie demobilizzat mill-Forza tal-Ajru Franċiża, huwa vvjaġġa lejn l-Istati Uniti biex jgħin ħalli jipperswadi l-gvern tiegħu jidħol fi gwerra kontra l-Ġermanja Nażista.

Saint-Exupéry qatta’ 28 xahar fl-Amerka, u matul dak iż-żmien kiteb tlieta mill-iktar xogħlijiet importanti tiegħu, u mbagħad issieħeb fil-Forza tal-Ajru Franċiża Ħielsa fit-Tramuntana tal-Afrika—għalkemm kellu ferm iktar mill-età massima għal tali bdoti u s-saħħa tiegħu kienet bdiet tmur lura. Huwa għeb u jingħad li miet meta kien fuq missjoni ta’ rikonjizzjoni minn Korsika fuq il-Mediterran fil-31 ta’ Lulju 1944.

Qabel il-gwerra, Saint-Exupéry kien kiseb il-fama fi Franza bħala bdot. Wara mewtu, ix-xogħlijiet letterarji tiegħu xprunaw l-istatura tiegħu għal status ta’ eroj nazzjonali fi Franza, inkluż Iċ-Ċkejken Prinċep/Il-Prinċep iż-Żgħir li ġiet tradott bi 300 lingwa. Huwa kiseb iktar rikonoxximent mifrux ulterjuri bit-traduzzjonijiet internazzjonali tax-xogħlijiet l-oħra tiegħu. Il-memorji filosofiċi tiegħu tal-1939 Terre des hommes (Art tal-Irġiel) saru isem grupp umanitarju internazzjonali; intużaw ukoll bħala t-tema ċentrali tal-Expo 67 f’Montreal, Quebec. Lyon, il-belt fejn twieled, semmiet l-ajruport prinċipali tagħha f’ismu.

Żgħożija u avjazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Stemma tal-familja Saint-Exupéry

Saint-Exupéry twieled f’Lyon f’familja Kattolika aristokratika li ġenealoġikament kienet tmur lura diversi sekli, b’kunjom li fl-aħħar mill-aħħar jagħmel referenza għall-isqof Saint-Exupéry tas-seklu 5. Huwa kien it-tielet minn ħamest itfal tal-Viskontessa Marie de Fonscolombe u tal-Viskonti Jean de Saint-Exupéry (1863-1904). Missieru, uffiċjal eżekuttiv tas-senserija tal-assigurazzjoni ta’ Le Soleil, miet b’puplesija f’Lyon fl-istazzjon tal-ferrovija La Foux qabel ir-raba’ sena ta’ għeluq snin ibnu. Il-mewt ta’ missieru affettwat il-familja kollha, u l-istatus tal-familja ġie ttrasformat f’wieħed ta’ “aristokratiċi mfaqqrin”.

Saint-Exupéry kellu tliet aħwa bniet u ħuh bjond iżgħar, François, li meta kellu 15-il sena miet b’deni rewmatiku li laqqat meta t-tnejn kienu qed jattendu l-Kulleġġ Marjanista ta’ Villa St. Jean fi Fribourg, l-Iżvizzera, matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Saint-Exupéry dar b’ħuh sal-aħħar, u iktar ’il quddiem kiteb li François, li l-iktar kien jiftaħ qalbu miegħu, “...baqa’ ma ċċaqlaq xejn għal ftit. Ma bekiex. Waqa’ bħalma taqa’ siġra [li tkun għadha żgħira]”, similitudni li mbagħad uża wkoll fit-tmiem ta’ Iċ-Ċkejken Prinċep/Il-Prinċep iż-Żgħir. Meta kellu 17-il sena, Saint-Exupéry kien l-uniku raġel tal-familja, wara l-mewt ta’ ħuħ, u kien imfarrak emotivament bħal ommu u ħutu l-bniet, iżda għamilha ta’ protettur tagħhom u kkonslahom.

Wara li weħel fl-eżamijiet finali tiegħu f’Akkademja Navali preparatorja, Saint-Exupéry daħal fl-Iskola tal-Belle Arti bħala awditur biex jistudja l-arkitettura għal 15-il xahar, mill-ġdid mingħajr ma ggradwa, u mbagħad beda jaċċetta li jċekċek xi ħaġa bħala xogħol ’l hemm u ’l hawn. Fl-1921, Saint-Exupéry beda s-servizz militari tiegħu bħala suldat bi grad bażiku mat-Tieni Riġment tal-Kavallerija u ntbagħat lejn Neuhof, qrib Strasburgu. Meta kien hemm huwa ħa lezzjonijiet privati tat-titjir u s-sena ta’ wara ġie offrut trasferiment mill-Armata Franċiża għall-Forza tal-Ajru Franċiża. Laħaq bdot wara li ġie stazzjonat mas-37 Riġment tal-Ajruplani tal-Gwerra f’Casablanca, il-Marokk.

Id-dar fejn twieled Antoine de Saint-Exupéry

Iktar ’il quddiem, wara li ġie stazzjonat mill-ġdid mal-34 Riġment tal-Avjazzjoni f’Le Bourget fil-periferija ta’ Pariġi, u wara li esperjenza l-ewwel ħabta ta’ inġenji tal-ajru mill-ħafna li esperjenza tul ħajtu, Saint-Exupéry baxxa rasu għall-oġġezzjonijiet tal-familja tal-għarusa tiegħu, Louise Lévêque de Vilmorin, li mbagħad saret rumanziera, u telaq mill-forza tal-ajru biex minflok jaħdem f’uffiċċju. Il-koppja fl-aħħar mill-aħħar ħasret l-għerusija u hu għamel ħafna xogħlijiet żgħar oħra mingħajr suċċess fil-ftit snin ta’ wara.

Sal-1926, Saint-Exupéry reġa’ beda jtir bħala bdot. Huwa sar wieħed mill-pijunieri tat-trasport internazzjonali tal-posta bl-ajru, meta l-inġenji tal-ajru ma tantx kellhom wisq strumenti. Iktar ’il quddiem ilmenta li dawk li kienu jtiru fuq inġenji tal-ajru iktar avvanzati kienu saru iktar bħala kontabilisti milli bdoti ta’ veru. Huwa ħadem għall-Aéropostale bejn Toulouse u Dakar, u mbagħad sar ukoll il-maniġer tat-tranżiti tal-linja tal-ajru għall-mitjar ta’ Kap Juby fiż-żona Spanjola tan-Nofsinhar tal-Marokk, fid-deżert tas-Saħara. Fost id-dmirijiet tiegħu kellu jinnegozja r-rilaxx sikur tal-bdoti ta’ inġenji tal-ajru li twaqqgħu u ttieħdu bħala ostaġġi mit-tribujiet tas-Saħara, kompitu perikoluż li permezz tiegħu ngħata l-ewwel Leġjun tal-Unut tiegħu mill-Gvern Franċiż.

Fl-1929, Saint-Exupéry ġie ttrasferit lejn l-Arġentina, fejn inħatar direttur tal-linja tal-ajru Aeroposta Argentina. Huwa għex f’Buenos Aires, fil-binja Galería Güemes. Huwa stħarreġ rotot tal-ajru ġodda madwar l-Amerka t’Isfel, innegozja ftehimiet, u qajla saħansitra għamilha ta’ bdot għat-trasport tal-posta bl-ajru kif ukoll għall-missjonijiet tat-tfittxija għal bdoti ta’ inġenji tal-ajru li twaqqgħu. Dan il-perjodu ta’ ħajtu jiġi esplorat fil-qosor fil-film tal-IMAX Wings of Courage, tar-reġista Franċiż Jean-Jacques Annaud.

Karriera fil-kitba

[immodifika | immodifika s-sors]
Ritratt ta’ Saint-Exupéry ħdejn Montreal, Quebec, il-Kanada, f’Mejju 1942

L-ewwel kitba ta’ Saint-Exupéry, L'Aviateur (Il-Bdot), ġiet ippubblikata fl-1926 f’rivista letterarja b’għomor qasir li kien jisimha Le Navire d'Argent (Il-Vapur tal-Fidda). Fl-1929 ġie ppubblikat l-ewwel ktieb tiegħu, Courrier Sud (Il-Posta tan-Nofsinhar); u l-karriera tiegħu bħala bdot u ġurnalista kienet waslet fil-punt tat-tluq tagħha. F’dik l-istess sena, Saint-Exupéry wettaq ir-rotta tat-titjir Casablanca-Dakar.

Il-pubblikazzjoni ta’ Vol de nuit (Titjir Billejl) stabbiliet lil Saint-Exupéry bħala stilla emerġenti fid-dinja letterarja. Din kienet l-ewwel pubblikazzjoni tax-xogħlijiet maġġuri tiegħu li kisbet fama mifruxa u biha rebaħ il-Premju Femina. Ir-rumanz kien jirrifletti l-esperjenzi tiegħu bħala bdot postali u direttur tal-linja tal-ajru Aeroposta Argentina, ibbażat f’Buenos Aires, l-Arġentina. F’dik l-istess sena, fi Grasse, Saint-Exupéry iżżewweġ lil Consuelo Suncin (kunjomha xebba Suncín Sandoval), kittieba u artista minn El Salvador li ddivorzjat darba u romlot darba, u li kellha spirtu liberu u “lsien ta’ lifgħa”.

Saint-Exupéry, tilef rasu wara din il-mara ta’ statura ċkejkna, għalkemm telaqha u reġa’ magħha bosta drabi—kienet il-muża tiegħu, u fit-tul kienet ukoll is-sors tat-tħassib tiegħu. Kienet relazzjoni bil-burraxki, peress li Saint-Exupéry kien jivvjaġġa spiss u kien jaqlibielha iktar minn darba, b’mod notevoli mal-Franċiża Hélène de Vogüé (1908-2003), magħrufa bħala “Nelly” u mlaqqma “Madame de B.” fil-bijografiji ta’ Saint-Exupéry. Vogüé saret l-eżekutriċi letterarja tat-testment ta’ Saint-Exupéry wara mewtu u kitbet ukoll il-bijografija tagħha stess ta’ Saint-Exupéry bil-psewdonimu Pierre Chevrier.

Saint-Exupéry baqa’ jikteb sar-rebbiegħa tal-1943, meta telaq mill-Istati Uniti mat-truppi Amerikani lejn it-Tramuntana tal-Afrika fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Ħabta fid-deżert

[immodifika | immodifika s-sors]
Monument f’Tarfaya, Kap Juby, il-Marokk, li jfakkar lill-istazzjon tat-tranżitu tal-posta ta’ Aéropostale u lil Saint-Exupéry, il-maniġer tiegħu

Fit-30 ta’ Diċembru 1935, fis-02:45, wara 19-il siegħa u 44 minuta fl-ajru, Saint-Exupéry, flimkien mal-mekkaniku u n-navigatur tiegħu André Prévot, ħabat fid-deżert Libjan, waqt tentattiv li jikser ir-rekord tal-veloċità f’tellieqa tal-ajru minn Pariġi għal Saigon u jirbaħ premju ta’ 150,000 Frank. Huwa maħsub li s-sit tal-ħabta kien ħdejn il-wied ta’ Wadi Natrun, qrib id-Delta tan-Nil.

Kemm Saint-Exupéry kif ukoll Prévot b’mod mirakoluż baqgħu ħajjin wara l-ħabta, għalkemm f’qasir żmien spiċċaw diżidratati bis-sħana intensa tad-deżert. Il-mapep tagħhom kienu primittivi u ambigwi, u b’hekk ma kellhom l-ebda idea fejn kienu jinsabu. Mitlufin qalb id-duni tar-ramel, l-unika provvisti tagħhom kienu ftit għeneb, żewġ larinġiet, madeleine, pinta kafè f’termos mgħattan u nofs pinta nbid abjad f’ieħor. Magħhom kellhom ukoll ħażna żgħira ta’ mediċini: “mitt gramma ta’ disgħin fil-mija alkoħol, mitt gramma ta’ etere pur, u flixkun żgħir tal-jodju”.

It-tnejn kellhom l-ekwivalenti ta’ jum bħala fluwidi. It-tnejn bdew jaraw miraġġi u esperjenzaw alluċinazzjonijiet fis-smigħ, li malajr ġew segwiti minn alluċinazzjonijiet iktar ċari. Mat-tieni u t-tielet jum, tant kienu diżidratati li ma kellhomx għaraq x’jgħerqu iktar. Fir-raba’ jum, Bedwin fuq ġemel lemaħhom u tahom trattament nattiv ta’ idratazzjoni mill-ġdid li salvalhom ħajjithom. Din l-esperjenza fejn ħelsuha ħafif mill-mewt tidher b’mod prominenti fil-memorji ta’ Saint-Exupéry tal-1939, Art tal-Irġiel, li bihom rebaħ bosta premjijiet. L-iktar kitba famuża ta’ Saint-Exupéry Iċ-Ċkejken Prinċep/Il-Prinċep iż-Żgħir, li tibda bi bdot li jispiċċa f’nofs ta’ deżert, hija parzjalment referenza għal din l-esperjenza.