Aqbeż għall-kontentut

L-Amerika t'Isfel

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Amerika t'Isfel)
L-Amerika t’Isfel
Erja 17,840,000 km2
Popolazzjoni 423,581,078[1]
Densità tal-popolazzjoni 21.4/km2
PGD (nominal) $2.90 triljun[2]
PGD (PPP) $6.53 triljun[3]
PGD per capita $6,720[4]
Demonimu abitant tal-Amerka t’Isfel
Pajjiżi 12-14
Dipendenzi Esterni (1-3)
Interni (1-5)
Lingwi Spanjol, Portugiż, Gwaraní, Ingliż, Franċiż, Olandiż, Quechua, Aymara, Mapudungun, u oħrajn
Żoni tal-ħin UTC-2 sa UTC-5
L-ikbar bliet São Paulo
Lima
Bogotá
Rio de Janeiro
Santiago
Caracas
Buenos Aires
Salvador
Brasília
Fortaleza
Kodiċi NU M49 005 – l-Amerka t’Isfel
419 – l-Amerka Latina
019 – l-Amerki
001 – id-Dinja

L-Amerika t'Isfel (jew l-Amerka t'Isfel) hija kontinent li jinsab kollu kemm hu fl-Emisferu tal-Punent u l-iktar fl-Emisferu tan-Nofsinhar, b'biċċa relattivament żgħira fl-Emisferu tat-Tramuntana. Tista' tiġi deskritta wkoll bħala s-sottokontinent t'isfel miż-żewġ Amerki. F'dawn l-aħħar deċennji r-referenza għall-Amerka t'Isfel minflok reġjuni oħra (bħall-Amerka Latina jew il-Kon tan-Nofsinhar) żdiedet minħabba bidliet fid-dinamiċi ġeopolitiċi.

Mappa tal-Amerka t'Isfel bil-karatteristiċi fiżiċi, politiċi u tal-popolazzjoni fl-2018

Fil-Punent tal-Amerka t'Isfel hemm l-Oċean Paċifiku u fit-Tramuntana u fil-Lvant hemm l-Oċean Atlantiku. Fil-Majjistral hemm l-Amerka ta' Fuq u l-Baħar Karibew. Hija magħmula minn tnax-il stat sovran: l-Arġentina, il-Bolivja, il-Brażil, iċ-Ċilì, il-Kolombja, l-Ekwador, il-Guyana, il-Paragwaj, il-Perù, is-Suriname, l-Urugwaj, u l-Venezwela; dipartiment u reġjun extra-Ewropew ta' Franza, il-Guyana Franċiża; u territorju extra-Ewropew Brittaniku: il-Gżejjer Falkland. Barra minn hekk, il-gżejjer ABC tar-Renju tan-Netherlands, il-Gżira ta' Ascension (id-dipendenza ta' Saint Helena, Ascension u Tristan da Cunha, u territorju extra-Ewropew Brittaniku), il-Gżira ta' Bouvet (dipendenza tan-Norveġja), il-Panama, il-Gżejjer tal-Georgia tan-Nofsinhar u l-Gżejjer Sandwich tan-Nofsinhar (territorju extra-Ewropew Brittaniku), u Trinidad u Tobago jistgħu jitqiesu wkoll bħala parti mill-Amerka t'Isfel.

L-Amerka t'Isfel tkopri madwar 17,840,000 kilometru kwadrat ta' art. Fl-2018, ġie stmat li l-popolazzjoni tagħha hija iktar minn 423 miljun persuna. L-Amerka t'Isfel hija r-raba' l-ikbar kontinent bħala art, wara l-Asja, l-Afrika u l-Amerka ta' Fuq) u l-ħames bħala popolazzjoni, wara l-Asja, l-Afrika, l-Ewropa u l-Amerka ta' Fuq. Il-Brażil huwa bil-qabża l-pajjiż bl-ikbar popolazzjoni fl-Amerka t'Isfel, b'iktar minn nofs il-popolazzjoni tal-kontinent, segwit mill-Kolombja, mill-Arġentina, mill-Venezwela u mill-Perù. F'dawn l-aħħar deċennji, il-Brażil iġġenera wkoll nofs il-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-kontinent u sar l-ewwel setgħa reġjonali.[5]

Il-maġġoranza tal-popolazzjoni tal-Amerka t'Isfel tgħix qrib il-kosti tal-Punent jew tal-Lvant tal-kontinent, filwaqt li n-naħa ta' ġewwa u ferm lejn in-Nofsinhar, ma tantx jgħixu nies. Il-Punent tal-Amerka t'Isfel huwa dominat ġeografikament mill-muntanji tal-Andes. Min-naħa l-oħra, il-Lvant fih kemm reġjuni muntanjużi kif ukoll pjanuri enormi bi xmajjar bħall-Amażonja, l-Orinoco, u l-Paranà. Il-biċċa l-kbira tal-kontinent jinsab fit-tropiċi.

Il-prospettiva kulturali u etnika tal-kontinent toriġina mill-interazzjoni tal-popli indiġeni mal-ħakkiema u mal-immigranti Ewropej, u fuq livell iktar lokali, mal-ilsiera Afrikani. Minħabba l-istorja twila ta' kolonjaliżmu, il-maġġoranza l-kbira tal-abitanti tal-Amerka t'Isfel jitkellmu bil-Portugiż jew bl-Ispanjol, u s-soċjetajiet u l-istati jirriflettu t-tradizzjonijiet tal-Punent. Meta mqabbla mal-Ewropa, mal-Asja u mal-Afrika, fis-seklu 20 l-Amerka t'Isfel kienet kontinent paċifiku bi ftit gwerer.[6]

Immaġni kompożita li tirriżalta s-superfiċe tal-Amerka t'Isfel

L-Amerka t'Isfel, isimha magħha, tokkupa l-parti t'isfel taż-żewġ Amerki. B'mod ġenerali, il-kontinent huwa delimitat fuq in-naħa tal-Majjistral bit-Tapp ta' Darién (Tapón del Darién) tul il-fruntiera bejn il-Kolombja u l-Panama, għalkemm uħud jaf iqisu l-Kanal ta' Panama bħala l-fruntiera. Ġeopolitikament[7] u ġeografikament, il-Panama kollha, inkluż il-biċċa lejn il-Lvant tal-Kanal ta' Panama fl-istmu, tipikament tiġi inkluża fl-Amerka ta' Fuq[8] u fost il-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali.[9] Kważi l-art kontinentali kollha tal-Amerka t'Isfel tinsab fuq il-Plakka tal-Amerka t'Isfel.

Fl-Amerka t'Isfel insibu l-itwal kaskata mingħajr interruzzjoni fid-dinja, is-Salto Ángel (magħrufa aħjar bħala Angel Falls jew il-Kaskata tal-Anġlu) fil-Venezwela; l-itwal kaskata bi tnixxija unika fid-dinja, il-Kaskati Kaieteur fil-Guyana; l-ikbar xmara bħala volum, l-Amażonja, l-itwal katina muntanjuża, l-Andes (bl-ogħla muntanja tagħha, Aconcagua, għolja 6,962 metru); l-iktar post mhux polari niexef fid-dinja, id-Deżert ta' Atacama;[10] l-iktar post fejn tinżel xita fid-dinja, López de Micay fil-Kolombja; l-ikbar foresta pluvjali, il-foresta pluvjali tal-Amażonja; l-ogħla belt kapitali, La Paz, il-Bolivja; l-ogħla lag navigabbli b'mod kummerċjali, il-Lag Titicaca; u, esklużi l-istazzjonijiet tar-riċerka fl-Antartika, l-iktar komunità fin-Nofsinhar tad-dinja li ilha abitata b'mod permanenti, f'Puerto Toro, iċ-Ċilì.

Ir-riżorsi minerali ewlenin tal-Amerka t'Isfel huma d-deheb, il-fidda, ir-ram, il-mineral tal-ħadid, il-landa, u l-petroleum. Dawn ir-riżorsi fl-Amerka t'Isfel ġabu magħhom introjtu kbir għall-pajjiżi fejn instabu, speċjalment fiż-żminijiet tal-gwerra jew fiż-żminijiet ta' tkabbir ekonomiku rapidu f'pajjiżi industrijalizzati oħrajn madwar id-dinja. Madankollu, il-konċentrazzjoni tal-produzzjoni fl-esportazzjoni ta' prodott bażiku wieħed spiss xekklet l-iżvilupp ta' ekonomiji diversifikati. Storikament, il-fluttwazzjoni fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi fis-swieq internazzjonali wasslet għal żminijiet fejn kollox kien miexi ward u żahar u għal żminijiet fejn kollox staġna fl-ekonomiji tal-istati tal-Amerka t'Isfel, u sikwit dan wassal għal instabbiltà politika estrema. Minħabba f'hekk, dan l-aħħar qed isiru sforzi biex il-produzzjoni tiġi ddiversifikata biex l-ekonomiji ma jibqgħux dipendenti biss fuq esportazzjoni ta' prodott bażiku wieħed biss.

L-Amerka t'Isfel għandha l-aqwa bijodiversità fid-dinja. F'dan il-kontinent jgħixu ħafna speċijiet interessanti u uniċi ta' annimali, fosthom il-llama, l-anakonda, il-piranja, il-ġagwar, il-vikunja u t-tapir. Il-foresta pluvjali tal-Amażonja tħaddan bijodiversità rikka, li fiha l-ikbar proporzjon ta' speċjijiet fid-dinja.

Il-Brażil huwa l-ikbar pajjiż fl-Amerka t'Isfel, u fih madwar nofs l-art u l-popolazzjoni tal-kontinent. Il-kumplament tal-pajjiżi u tat-territorji jinqasmu f'erba' sottoreġjuni: l-istati tal-Andes, ir-reġjun tal-Karibew tal-Amerka t'Isfel, il-Guayanas, u l-Kon tan-Nofsinhar.

  1. ^ ""Overall total population" – World Population Prospects: The 2019 Revision" (xslx). population.un.org". Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  2. ^ ""GDP nominal, current prices" - il-Fond Monetarju Internazzjonali". Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  3. ^ ""GDP PPP, current prices" - il-Fond Monetarju Internazzjonali". Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  4. ^ ""GDP per capita, current prices" - il-Fond Monetarju Internazzjonali". Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  5. ^ Schenoni, Luis L. ""Unveiling the South American Balance" in Estudos Internacionais, 2(2): 215-232". Estudos Internacionais v. 2 n. 2 jul-dez 2015 p. 215-232 (bl-Ingliż).
  6. ^ Holsti, 1996, p. 155.
  7. ^ Cohen, Saul Bernard. 2003. "North and Middle America" (Ch. 5). Geopolitics of the World System, ISBN 0847699072
  8. ^ "UNSD — Methodology". unstats.un.org. Miġbur 2021-07-05.
  9. ^ "Panama | History, Geography, Facts, & Points of Interest". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-05.
  10. ^ "Driest Place | Driest Desert Atacama Desert". web.archive.org. 2010-02-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-02-05. Miġbur 2021-07-05.