Aqbeż għall-kontentut

Amerigo Vespucci (vapur għoli)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-Amerigo Vespucci fil-port ta' New York fl-1976.

L-Amerigo Vespucci huwa vapur għoli tat-tbaħħir tal-Flotta Navali Militari Taljana (bit-Taljan: Marina Militare) li ngħata isem u kunjom l-esploratur Amerigo Vespucci. Huwa replika tax-xini li salpa lejn l-Amerka fl-imgħoddi. Il-port ospitanti ewlieni tiegħu huwa dak ta' La Spezia, l-Italja, u jintuża għat-taħriġ tal-flotta navali militari. Il-motto tal-vapur (li saħansitra huwa miktub fuqu) huwa: Non chi comincia ma quel che persevera (Mhux min jibda jgħodd, iżda min jibqa' jirsisti).

Fl-1925, ir-Regia Marina ordnat żewġ vapuri tat-tbaħħir għat-taħriġ skont disinn tal-Ġeneral Logutenent Francesco Rotundi tal-Korp tal-Inġinerija tal-Flotta Navali Taljana, ispirat mill-istil tal-vapuri l-kbar b'74 kanun tal-aħħar tas-seklu 18 (bħall-vapur Naplitan Monarca). L-ewwel vapur, imsejjaħ Cristoforo Colombo, beda jopera fl-1928 u ntuża mill-Flotta Navali Taljana sal-1943. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, dan il-vapur ingħata lill-Unjoni Sovjetika bħala kumpens għall-gwerra u ftit wara ma baqax ibaħħar iktar.[1]

L-Amerigo Vespucci f'Amsterdam, in-Netherlands, fl-1980.

It-tieni vapur kien l-Amerigo Vespucci, li nbena fl-1930 fit-Tarzna Navali (li qabel kienet Irjali) ta' Castellammare di Stabia (Napli). Il-vapur ġie varat fit-22 ta' Frar 1931 u beda jopera f'Lulju ta' dik is-sena.[2]

Il-bastiment għandu buq tal-azzar bi tliet arbli u bil-qlugħ imħaddmin kompletament bil-ħbula. Il-buq tiegħu huwa twil 82.4 metru (270 pied), u t-tul kumplessiv tal-bastiment huwa ta' 101 metru (331 pied) bil-pupress inkluż, filwaqt li l-wisa' kumplessiva tiegħu hija ta' 15.5-il metru (51 pied). Għandu pixka ta' madwar seba' metri (23 pied) u spostament (il-piż totali inkluż il-merkanzija) meta jkun mgħobbi kompletament ta' 4,146 tunnellata. Permezz tal-propulsjoni awżiljari bid-diżil u bl-elettriku, l-Amerigo Vespucci jista' jlaħħaq veloċità ta' 10 knots (19-il kilometru fis-siegħa) b'medda ta' 5,450 mil nawtiku b'medja ta' 6.5 knots.[3]

It-tliet arbli tal-azzar huma għoljin 50, 54 u 43 metru rispettivament, u jġorru qlugħ b'erja totali ta' 2,824 m2 (30,400 pied kwadru). L-Amerigo Vespucci għandu 26 qala' – qlugħ kwadri, qlugħ triangolari għaż-żieda tal-veloċità, u qlugħ triangolari għaż-żieda tal-erja: il-qlugħ kollha huma tal-kanvas. Meta l-bastiment ikun qed ibaħħar f'kundizzjonijiet ta' baħar u ta' riħ qawwi jista' jilħaq veloċità ta' 12-il (22 kilometru fis-siegħa). Il-bastiment fih xi 30 kilometru ta' ħbula. Il-ħbula kollha tal-qlugħ huma ħbila tradizzjonali tal-qanneb; iċ-ċimi tal-irmiġġ biss huma sintetiċi biex il-bastiment ikun konformi mar-regolamenti tal-portijiet.

Il-buq huwa miżbugħ iswed b'żewġ strixxi bojod, li jibqgħu sejrin saż-żewġ gverti ewlenin tal-kanuni tal-bastiment li fuqhom huwa bbażat id-disinn, għalkemm l-Amerigo Vespucci jġorr żewġ kanuni tas-salut ta' sitt libbri kull wieħed biss fuq muntaturi li jduru fuq il-gverta, quddiem l-arblu prinċipali. It-tavluni tal-gverta huma tal-injam tat-tikk u jridu jinbidlu kull tliet snin. Il-pruwa u l-poppa huma mżejna b'tiżjin mirqum u l-bastiment għandu pulena ta' daqs ta' bniedem ta' Amerigo Vespucci. Il-gallerija tal-poppa hija aċċessibbli biss mill-kabina tal-kaptan.

L-Amerigo Vespucci rmiġġat fil-port ta' Oslo, in-Norveġja, fl-2005.

L-ekwipaġġ standard tal-Amerigo Vespucci jinkludi 16-il uffiċjal, 70 uffiċjal mhux ikkummissjonati u 190 baħri. Fis-sajf, meta jitilgħu abbord il-kadetti tal-Akkademja Navali (bit-Taljan: Accademia Navale), l-ekwipaġġ jitla' għal xi 450 ruħ.

Fl-1964, il-vapur ġie armat b'żewġ magni 4-stroke u bi tmien ċilindri tat-tip FIAT B 308 ESS li jaħdmu bid-diżil, li ssostitwew il-magni oriġinali 2-stroke b'sitt ċilindri tat-tip FIAT Q 426. Dawn il-magni kienu jiġġeneraw qawwa elettrika għal magna waħda bi propulsjoni elettrika li kienet tipproduċi sa madwar 1,471 kW (1,973 hp).

Wara xi xogħlijiet ta' mmodernizzar bejn l-2013 u l-2016, il-vapur ġie armat b'żewġ magni 4-stroke bi 12-il ċilindru tat-tip MTU, ta' 1,32 MW kull waħda, li jaħdmu bid-diżil, b'żewġ magni 4-stroke bi tmien ċilindri tat-tip MTU, ta' 760 kW kull waħda, li jaħdmu bid-diżil, b'magna elettrika waħda tat-tip NIDEC (Ansaldo Sistemi Industriali).[4][5] Waqt l-istess xogħlijiet, il-vapur ġie armat b'radar ġdid tat-tip GEM Elettronica AN/SPS-753(V)5 u b'antenna satellitari ġdida tat-tip ORBIT AL-7103.

Meta jkollu l-kadetti abbord, il-vapur normalment jiġi kkwartjat mill-istazzjon tat-tmun manwali fil-poppa, li jitħaddem permezz ta' erba' roti tal-ikkwartjar bi tnejn min-nies ma' kull rota. Fi żminijiet oħra jintuża t-tagħmir tal-ikkwartjar assistit b'mod idrawliku fuq il-briġġ. Għajr għall-winċ tal-ankra, il-winċijiet abbord mhumiex motorizzati. Il-briġġ huwa mgħammar bi strumenti elettroniċi moderni u sofistikati tan-navigazzjoni.

Ħlief fit-Tieni Gwerra Dinjija, l-Amerigo Vespucci kien attiv b'mod kontinwu. Il-biċċa l-kbira tat-tbaħħir ta' taħriġ tiegħu jsir fl-ibħra Ewropej, iżda baħħar ukoll lejn l-Amerka ta' Fuq u l-Amerka t'Isfel, kif ukoll fl-Oċean Paċifiku. Fl-2002, il-bastiment wettaq vjaġġ madwar id-dinja.

Fl-1960, l-Amerigo Vespucci ġarr it-torċa Olimpika minn Piraeus sa Siracusa għal-Logħob Olimpiku tas-sajf li sar f'Ruma.[6]

Waqt li kien qed ibaħħar fil-Baħar Mediterran fl-1962, it-trasportatur tal-inġenji tal-ajru tal-Istati Uniti USS Independence teptep id-dawl lejn l-Amerigo Vespucci u staqsa: "Min inti?" Il-vapur għoli armat bil-qlugħ kollha wieġeb: "Il-vapur tat-taħriġ Amerigo Vespucci tal-Flotta Navali Taljana". Il-USS Independence rrisponda: "Inti l-isbaħ vapur fid-dinja".[7]

L-Amerigo Vespucci spiss jieħu sehem f'parati tat-tbaħħir u fi tlielaq tal-vapuri għoljin, fejn għandha rivalità amikevoli mal-Gorch Fock. Meta tkun sorġuta fil-port, normalment jiġu offruti żjarat pubbliċi fuq il-bastiment. Il-bastiment dar dawra mad-dinja fl-2003. Mill-2013, l-Amerigo Vespucci sar jiddependi direttament fuq il-Kmandant Kap tal-Flotta Navali.

Mill-2013 sal-2016, il-bastiment sarulu bosta xogħlijiet ta' mmodernizzar. Fis-7 ta' Lulju 2018, l-Amerigo Vespucci wasal fil-port ta' Almeria, Spanja għat-tielet darba.[8][9] L-ewwel darba li żar dak il-port kien fl-1932[10] u t-tieni darba kien fl-1989.[11][12] Il-bastiment salpa mill-port fl-10 ta' Lulju 2018.[13] Imbagħad baħħar lejn Ponta Delgada fil-Gżejjer Ażores, il-Portugall, u qasam l-Oċean Atlantiku sat-Tramuntana tal-Ewropa.[14][15]

L-Amerigo Vespucci, wara li sarulu xi xogħlijiet ta' mmodernizzar, fil-port ta' La Rochelle, Franza, fl-2018.

Mill-25 sat-28 ta' Awwissu 2022, l-Amerigo Vespucci rmiġġa fil-Port il-Kbir, il-Belt Valletta, Malta. Il-bastiment salpa għall-vjaġġ ta' taħriġ minn Livorno fit-2 ta' Lulju 2022 u segwa rotta fil-Mediterran u l-Atlantiku, irmiġġa f'Palermo, l-Italja, f'Tuneż, it-Tuneżija, fl-Alġier, l-Alġerija, f'Liżbona, il-Portugall, f'Casablanca, il-Marokk, f'Cadiz, Spanja, u fi Trapani, l-Italja. Mill-Belt Valletta, il-bastiment irritorna l-Italja, fejn il-kadetti kkonkludew il-vjaġġ ta' taħriġ tagħhom.[16]

Dan il-bastiment ilu ambaxxatur tal-UNICEF minn Settembru 2007, u ngħata wkoll il-bandiera tad-Deċennju tax-Xjenza tal-Oċeani tan-Nazzjonijiet Uniti mill-UNESCO.[16]

Speċifikazzjonijiet tekniċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Dawn huma xi speċifikazzjonijiet tekniċi tal-Amerigo Vespucci:[17]

  • Impjant tal-Bini tal-Vapuri: Cantiere Nautico Tagliapietra, Venezja, l-Italja;
  • Spostament: sitt tunnellati;
  • Tul: 10 metri (32 pied u 10 pulzieri);
  • Wisa': 2.6 metri (tmien piedi u sitt pulzieri);
  • Propulsjoni: 2 magni FPT S30 ta' 170 hp (130 kW) kull waħda;
  • Veloċità: 16-il knots (30 kilometru fis-siegħa);
  • Medda: 180 mil nawtiku (330 km; 210 mil).
  1. ^ "Naples Life,Death & Miracle". www.naplesldm.com. Miġbur 2022-08-28.
  2. ^ "Marina Militare". web.archive.org. 2014-10-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-10-06. Miġbur 2022-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Amerigo Vespucci". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2004-02-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "Prima accensione dei nuovi motori. Nave Vespucci torna a far sentire la sua voce. - Marina Militare". web.archive.org. 2016-01-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-01-27. Miġbur 2022-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ "MARINA MILITARE: TRAINING TALL SHIP AMERIGO VESPUCCI WILL VISIT DUBLIN (IRELAND) FROM 10th TILL 13th AUGUST 2016". web.archive.org. 2018-07-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-07-10. Miġbur 2022-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ "Torch Olympic Games 1960 Rome". www.olympic-museum.de. Miġbur 2022-08-28.
  7. ^ "A bordo della Vespucci, la nave più bella del mondo | Liguria | Genova | Il Secolo XIX". web.archive.org. 2016-05-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-05-20. Miġbur 2022-08-28.
  8. ^ "El Amerigo Vespucci entra al puerto hoy en su tercera visita a Almería | Ideal". web.archive.org. 2018-07-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-07-10. Miġbur 2022-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  9. ^ "El buque escuela Amerigo Vespucci entra en el Puerto de Almería | Ideal". web.archive.org. 2018-07-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-07-08. Miġbur 2022-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ "El buque escuela de la marina italiana Amerigo Vespucci recala en Almería por tercera vez desde 1932". web.archive.org. 2018-07-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-07-10. Miġbur 2022-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ "El buque escuela de la marina italiana Amerigo Vespucci recala en Almería por tercera vez desde 1932". web.archive.org. 2018-07-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-07-10. Miġbur 2022-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  12. ^ "El 'Amerigo Vespucci' atraca en Almería tras 29 años de su última visita | ALMERÍA HOY". web.archive.org. 2018-07-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-07-10. Miġbur 2022-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  13. ^ "Puertos.- El buque escuela italiano 'Amerigo Vespucci' atraca este sábado en Almería dentro de su instrucción". web.archive.org. 2018-07-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-07-10. Miġbur 2022-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  14. ^ "Marina Militare: la Nave Amerigo Vespucci in sosta ad Almeria da 7 al 10 Luglio - Meteo Web". web.archive.org. 2018-07-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-07-10. Miġbur 2022-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  15. ^ "www.ladigetto.it - L'Amerigo Vespucci in sosta ad Almeria dal 7 al 10 luglio". web.archive.org. 2018-07-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-07-09. Miġbur 2022-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  16. ^ a b "Il-bastiment Amerigo Vespucci jibda waqfa ta' 3 ijiem f'Malta" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-28.
  17. ^ "NUOVO TENDER PER LA VESPUCCI - Vela e Motore". web.archive.org. 2018-07-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-07-08. Miġbur 2022-08-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)