This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0146
2010/146/: Commission Decision of 5 March 2010 pursuant to Directive 95/46/EC of the European Parliament and of the Council on the adequate protection provided by the Faeroese Act on processing of personal data (notified under document C(2010) 1130) (Text with EEA relevance)
2010/146/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta’ Marzu 2010 skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni pprovduta mill-Att tal-Gżejjer Faroe dwar l-Ipproċessar ta’ Dejta Personali (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1130) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
2010/146/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta’ Marzu 2010 skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni pprovduta mill-Att tal-Gżejjer Faroe dwar l-Ipproċessar ta’ Dejta Personali (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1130) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 58, 9.3.2010, p. 17–19
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/12/2016
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modified by | 32016D2295 | Sostituzzjoni | artikolu 3 | 16/12/2016 | |
Modified by | 32016D2295 | Sostituzzjoni | artikolu 4 | 16/12/2016 |
9.3.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 58/17 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-5 ta’ Marzu 2010
skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni pprovduta mill-Att tal-Gżejjer Faroe dwar l-Ipproċessar ta’ Dejta Personali
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1130)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2010/146/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(6) tagħha,
Wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-dejta personali (2),
Billi:
(1) |
Skont id-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu li t-trasferiment ta’ dejta personali lejn pajjiż terz isir biss jekk il-pajjiż terz ikkonċernat jassigura livell adegwat ta’ protezzjoni u kif ukoll jekk ikun hemm konformità mal-liġijiet tal-Istati Membri li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva qabel ma jsir it-trasferiment. |
(2) |
Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li pajjiż terz jassigura livell adegwat ta’ protezzjoni. F’dak il-każ, tista’ tiġi trasferita dejta personali mill-Istati Membri mingħajr ma jkunu meħtieġa garanziji addizzjonali. |
(3) |
Skont id-Direttiva 95/46/KE il-livell ta’ protezzjoni tad-dejta għandu jkun evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkonċernaw operazzjoni ta’ trasferiment ta’ dejta jew grupp ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ dejta filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għal ċerti elementi importanti għat-trasferiment u elenkati fl-Artikolu 25(2) tagħha. |
(4) |
Minħabba d-diversi approċċi li pajjiżi terzi għandhom fir-rigward tat-trasferiment tad-dejta, l-evalwazzjoni tal-adegwatezza għandha titwettaq, u kwalunkwe deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE għandha ssir u tkun infurzata b’mod li ma toħloqx diskriminazzjoni arbitrarja jew mingħajr ġustifikazzjoni kontra jew bejn pajjiżi terzi li fihom ikun hemm kundizzjonijiet simili, u lanqas ma sservi ta’ ostaklu moħbi għall-kummerċ, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni għall-impenji internazzjonali preżenti tal-Komunità. |
(5) |
Il-Gżejjer Faroe huma komunità awtogovernata fi ħdan ir-Renju tad-Danimarka. Meta d-Danimarka ngħaqdet mal-Komunità Ewropea fl-1973, il-Gżejjer Faroe m’għamlux dan. Huma għalhekk għandhom jitqiesu bħala pajjiż terz skont it-tifsira tad-Direttiva 95/46/KE. |
(6) |
L-Att dwar il-Governanza Interna tal-Gżejjer Faroe tifred l-oqsma kollha tal-politika f’żewġ gruppi prinċipali fejn l-Affarijiet Speċjali tal-Gżejjer Faroe huma r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni tal-Gvern tal-Gżejjer Faroe u l-leġiżlazzjoni u Kwistjonijiet Konġunti huma r-responsabbiltà tar-Renju tad-Danimarka. Din id-Deċiżjoni tkopri biss it-trasferiment tad-dejta personali mill-Komunità lil destinatarji fil-Gżejjer Faroe li huma suġġetti għall-Att dwar l-Ipproċessar tad-Dejta Personali (3) (“L-Att tal-Gżejjer Faroe”). L-Att tal-Gżejjer Faroe ma japplikax għall-ipproċessar tad-dejta personali fit-twettiq ta’ attività magħmula minn awtoritajiet tar-Renju tad-Danimarka, jiġifieri, il-Kummissarju Għoli tal-Gżejjer Faroe (Rigsombudsmanden), il-Qorti tal-Gżejjer Faroe (Sorenskriveren), il-Kummissarju tal-Gżejjer Faroe (Politimesteren på Færøerne), is-Servizz tal-Ħabs u tal-Probation tal-Gżejjer Faroe (Kriminalforsorgens afdeling), il-Kmand tal-Gżejjer Faroe (Færøernes Kommando) u l-Uffiċjal Mediku Ewlieni tal-Gżejjer Faroe (Landslægen). |
(7) |
L-Att tal-Gżejjer Faroe huwa bbażat fuq standards stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE u għalhekk ikopri l-prinċipji bażiċi kollha neċessarji għal livell adegwat ta’ protezzjoni tad-dritt ta’ persuni naturali għall-privatezza fl-ipproċessar tad-dejta personali. L-applikazzjoni ta’ dawn l-istandards hija garantita b’rimedji ġudizzjarji u b’superviżjoni indipendenti magħmula mill-awtorità superviżorja, il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Dejta, li għandu poteri li jinvestiga u jintervjeni. |
(8) |
Fl-interess tat-trasparenza u sabiex tiġi mħarsa l-abilità tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom, huwa neċessarju li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet eċċezzjonali fejn tkun ġustifikata s-sospensjoni ta’ trażmissjoni speċifika ta’ dejta, minkejja li jinstab li jkun hemm protezzjoni adegwata. |
(9) |
Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 95/46/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-finijiet ta’ Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, il-Gżejjer Faroe huma meqjusa li jipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għad-dejta personali ttrasferita mill-Unjoni Ewropea lid-destinatarji suġġetti għall-Att dwar l-Ipproċessar tad-Dejta Personali (‘l-Att tal-Gżejjer Faroe’).
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tirrigwarda biss l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta fil-Gżejjer Faroe bl-Att tal-Gżejjer Faroe bil-ħsieb li tissodisfa l-ħtiġiet ta’ Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE u ma taffettwax il-kondizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet l-oħra li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dik id-Direttiva li għandhom x’jaqsmu mal-ipproċessar ta’ dejta personali ġewwa l-Istati Membri.
Artikolu 3
1. Bla ħsara għall-poteri tagħhom li jieħdu azzjoni sabiex jassiguraw konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dispożizzjonijiet oħra għajr l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-poteri eżistenti tagħhom li jissospendu t-trasferimenti ta’ dejta lil riċevent fil-Gżejjer Faroe sabiex jiġu protetti l-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom fil-każijiet segwenti:
(a) |
Fejn awtorità kompetenti tal-Gżejjer Faroe tkun ikkonkludiet li riċevent ikun fi ksur tal-istandards applikabbli ta’ protezzjoni; jew |
(b) |
Fejn hemm il-probabbiltà sostanzjali li l-istandards tal-protezzjoni qed jiġu miksura, hemm motivi raġonevoli biex wieħed jaħseb illi l-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faroe mhux qed jieħdu, jew mhumiex se jieħdu l-passi xierqa u fil-ħin sabiex isolvu l-każ ikkonċernat, it-tkomplija tat-trasferiment toħloq periklu imminenti ta’ ħsara kbira lis-suġġetti tad-dejta u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għamlu dak kollu li hu xieraq fiċ-ċirkustanzi sabiex jinnotifikaw lill-parti responsabbli għall-ipproċessar li tkun stabbilita fil-Gżejjer Faroe u tawha ċans bizzejjed għal risposta. |
2. Is-sospensjoni għandha tieqaf hekk kif l-istandards ta’ protezzjoni jkunu assigurati u l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati tkun notifikata b’dan.
Artikolu 4
1. L-Istati Membri għandom jinfurmaw il-Kummissjoni mingħajr l-ebda dewmien meta jittieħdu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(1).
2. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-każijiet fejn l-azzjoni tal-korpi responsabbli li jiżguraw il-konformità mal-istandards ta’ protezzjoni tal-Gżejjer Faroe tonqos milli tiżgura din il-konformità.
3. Jekk l-informazzjoni miġbura taħt l-Artikolu 3 u taħt il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu tipprovdi xhieda lil xi awtorità responsabbli li tiżgura l-konformità mal-istandards tal-protezzjoni fil-Gżejer Faroe mhix qed tagħmel dan b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti fil-Gżejjer Faroe u kif ukoll, jekk ikun neċessarju, tippreżenta abbozz ta’ miżuri skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 95/46/KE, bil-għan li tiġi rrevokata, jew sospiża din id-Deċiżjoni, jew li tiġi limitata l-applikabilità tagħha.
Artikolu 5
Il-Kummissjoni għandha ssegwi t-tħaddim ta’ din id-Deċiżjoni u tirrapporta kwalunkwe informazzjoni relevanti lill-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE inkluż kull evidenza li tista’ taffettwa l-konklużjoni fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, illi l-protezzjoni fil-Gżejjer Faroe hija adegwata skont it-tifsira tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE u kwalunkwe evidenza illi din id-Deċiżjoni qed tkun implimentata b’mod diskriminatorju.
Artikolu 6
L-Istati Membru għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni l-iktar tard sa tmiem perjodu ta’ 90 jum mid-dejta tan-notifika tagħha lill-Istati Membri.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni għandha tibda tapplika mill-15 ta’ Ġunju 2010.
Artikolu 8
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2010.
Għall-Kummissjoni
Viviane REDING
Viċi President
(1) ĠU L 281, 23.11.1995. p. 31.
(2) L-Opinjoni 9/2007 dwar il-livell ta’ protezzjoni tad-dejta personali f’Jersey, adottata mill-Grupp ta’ Ħidma nhar id-9 ta’ Ottubru 2007, li tinsab hawn: http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/workinggroup/wpdocs/2007_en.htm
(3) Att Nru 73 tat-8 ta’ Mejju 2001 dwar l-Ipproċessar tad-Dejta Personali, li jinsab fuq http://www.datueftirlitid.fo/Default.asp?sida=2878