Mur għall-kontenut ewlieni

X'qed tagħmel il-Kummissjoni

Il-politika spazjali tal-UE għandha l-għan li tindirizza wħud mill-aktar sfidi urġenti tal-lum, bħall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-għajnuna biex tiġi stimulata l-innovazzjoni teknoloġika, u t-twassil ta’ benefiċċji soċjoekonomiċi liċ-ċittadini. It-teknoloġija, id-data u s-servizzi spazjali saru indispensabbli fil-ħajja tal-Ewropej. Niddependu fuqhom meta nużaw il-mobiles u s-sistemi ta’ navigazzjoni tal-karozzi, meta naraw it-TV bis-satellita, u meta niġbdu l-flus. Is-satelliti jipprovdu wkoll informazzjoni immedjata meta jseħħu diżastri bħal terremoti, nirien fil-foresti jew għargħar, u dan iwassal għal koordinazzjoni aħjar bejn it-timijiet ta’ emerġenza u ta’ salvataġġ.

Għanijiet

  • Żieda fl-effiċjenza fl-agrikoltura u s-sajd: l-applikazzjonijiet iffaċilitati mis-satelliti jtejbu l-immappjar tar-raba’ li jeħtieġ irrigazzjoni, it-tbassir tal-ħsad, u l-kontroll tas-sajd. Dan jiggarantixxi kwalità u sigurtà tal-ikel aħjar filwaqt li jissalvagwardja l-ambjent;
  • Għajnuna lir-reġjuni biex jaċċessaw l-għarfien u l-informazzjoni: is-satelliti jappoġġjaw il-komunikazzjoni meta s-soluzzjonijiet ibbażati fid-Dinja jkunu limitati. Dan inaqqas l-iżbilanċi reġjonali billi jaqdi lill-komunitajiet f’żoni remoti mingħajr aċċess għall-Internet;
  • Titjib tar-rispons għall-kriżijiet: is-servizzi tas-satelliti jgħinu biex jitqassru l-ħinijiet ta’ rispons fl-emerġenzi. Immaġnijiet rapidi tal-ħsara u mapep ta’ valutazzjoni jikkontribwixxu għal sforzi aktar effiċjenti ta’ ppjanar u għajnuna, u jgħinu jiggwidaw is-servizzi ta’ salvataġġ;
  • Ħarsien tal-ambjent u għajnuna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima: il-monitoraġġ ambjentali jipprovdina b'informazzjoni kruċjali dwar il-veġetazzjoni, il-kurrenti tal-oċeani, il-kwalità tal-ilma, ir-riżorsi naturali, it-tniġġis fl-atmosfera, il-gassijiet b'effett ta’ serra u s-saff tal-ożonu;
  • Żieda fis-sigurtà: il-pożizzjonament tas-satelliti u l-osservazzjoni tad-Dinja jikkontribwixxu għad-detezzjoni tal-immigrazzjoni illegali, il-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata transfruntiera, u l-ġlieda kontra l-piraterija fuq il-baħar;
  • Titjib tas-saħħa taċ-ċittadini: l-applikazzjonijiet ibbażati fl-ispazju jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti il-kura tas-saħħa tal-pazjenti permezz ta’ appoġġ mediku mill-bogħod. Dawn jgħinu wkoll fil-prevenzjoni jew fil-mitigazzjoni ta’ tifqigħa ta’ marda;
  • Ottimizzazzjoni tat-trasport: meta t-trasport jiġi kkombinat mal-kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni msaħħa, il-pożizzjonament preċiż tas-satelliti jikkontribwixxi għal settur tat-trasport modern u affidabbli għall-karozzi, l-ajruplani u l-vapuri. Dan jottimizza l-immaniġġjar tal-flotta, it-traċċabbiltà tal-bastimenti, il-prevenzjoni tal-ħabtiet, il-kontroll tal-veloċità, l-assistenza għall-manuvri tal-vapuri, eċċ.