Aqbeż għall-kontentut

Naħla

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Naħla
Klassifikazzjoni xjentifika
RenjuAnimalia
PhylumArthropoda
KlassiInsecta
OrdniHymenoptera
no value Anthophila
Latreille, 1804

In-naħal huma insetti li jtiru u li jiġu mill-qrib miż-żnażan u n-nemel. Huma magħrufa għas-sehem tagħhom fil-produzzjoni tal-għasel u x-xama' u għall-pollinazzjoni. In-naħal jagħmlu linjaġġ monofiletiku fi ħdan is-superfamilja Apoidea, fil-preżent ikklassifikat bl-isem tat-takson bla livell Anthophila. Hemm kważi 20,000 speċi magħrufa ta' naħal f' disa' familji rikonoxxuti[1], għalkemm ħafna minnhom għadhom ma ġewx deskritti u n-numru veru x'aktarx hu ogħla. Jinstabu fuq kull kontinent ħlief l-Antartika, f'kull ħabitat fuq il-pjaneta li fih ix-xtieli li jwarrdu ppolinati mill-insetti.

In-naħal huma adattati biex jieklu n-nettaru u l-pollin, l-ewwel wieħed l-iżjed bħala sors ta' enerġija u t-tieni għal proteini u nutrijenti oħra li fih. Ħafna mill-pollin jintuża bħala ikel għal-larvi.

In-naħal għandhom proboxxidi ("ilsien" kumpless) li jippermettilhom jiksbu n-nettaru mill-fjuri. Għandhom antenni li kważi f'kollha huma magħmulin minn 13-il segment fl-irġiel u 12 fin-nisa, kif inhu tipiku għas-superfamilja. In-naħal kollha għandhom żewġ pari ta' ġwienaħ, il-par ta' wara iżgħar minn ta' quddiem; fi ftit speċi, sess wieħed jew kasta għandu ġwienaħ relattivament qosra u ghalhekk isibuha diffiċli jew impossibli li jtiru, imma l-ebda minnhom ma huma bla ġwienaħ . L-iżgħar naħla hi t- Trigona minimi, naħla bla xewka fejn il-ħaddiema huma twal madwar 2.1 mm. L-ikbar naħla fid-dinja hi Megachile Pluto, naħla li tiekol il-weraq fejn in-nisa jistgħu jilħqu t-tul ta' 39 mm. Il-membri tal-familja Halictidae, huma t-tip ta' naħal l-iktar komuni fl-Emisferu tat-Tramuntana, imma huma żgħar ħafna u spiss jaħsbuhom żnażan jew dubbien.

L-ispeċi tan-naħla l-iktar magħrufa hi n-naħla tal- għasel Ewropea, li, kif juri isimha, tagħmel l-għasel, kif jagħmlu ftit tipi oħra ta' naħal. It-trobbija mill-bnedmin tan-naħal ta' din l-ispeċi tissejjaħ apikultura.

In-naħal huma ikel imfittex tal-għasfur Merops apiaster, qerd in-naħal. Predaturi komuni oħra huma l- għasafar Tyrannus u Mimidae, iż- żnażan Philanthus u l-mazzarell.

Naħal ewsoċjali u semisoċjali

[immodifika | immodifika s-sors]
Ferħ naħal tal-għasel

In-naħal jistgħu ikunu solitarji jew jgħixu f'diversi tipi ta' komunitajiet. L-iktar avvanzati minn dawn huma l-kolonji ewsoċjali li jinstabu fost in-naħal tal-għasel, il-bombli u n-naħal bla xewka. Jaħsbu li diversi tipi ta' soċjalità differenti evolvew fin-naħal bosta drabi separatament.

F'xi speċi, gruppi ta' naħal nisa li jgħixu flimkien jistgħu jkunu aħwa, u fil-każ li x-xogħol jinqasam bejn il-grupp, dawn jitqisu semisoċjali.

Jekk barra li jaqsmu x-xogħol, il-grupp jikkonsisti minn omm u wliedha bniet, il-grupp jissejjaħ ewsoċjali. L-omm titqies bħala r-"Reġina" u wliedha huma "ħaddiema". Dawn il-kasti jistgħu jkunu biss alternattivi fl-imġiba, u f'dan il-każ is-sistema titqies bħala "primittivament ewsoċjali" (bħal ħafna żnażan li jagħmlu l-bejta tal-karta (Polistinae)), u jekk il-kasti jkunu morfoloġikament diskreti, allura s-sistema tkun "ewsoċjali għall-aħħar".

Hemm ħafna aktar speċi ta' naħal li huma primittivament ewsoċjali milli ewsoċjali għall- aħħar, imma dawn rari ġew studjati. Il-bijoloġija tal-parti l-kbira ta' dawn l-ispeċi hi ftit li xejn magħrufa . Il-maġġoranza l-kbira tagħom huma fil-familja Halictidae. Il-kolonji huma tipikament żgħar, b'medja ta' tużżana ħaddiema jew inqas fihom. L-unika differenza fiżika bejn ir-reġina u l-ħaddiema, jekk hemm xi differenza, jkun id-daqs medju. Fil-parti l-kbira tal- ispeċi, il-kolonja ddum ħajja staġun wieħed, anki fit-tropiċi, u n-nisa mgħammra biss (irġejjen tal-futur) jibernaw (din l-ibernazzjoni tissejjaħ dijapawża). Xi speċi għandhom staġun attiv twil u l-kolonji jilħqu l-mijiet ta' naħal. L-Ewglossini (Euglossini) jinkludu numru ta' speċi li huma primittivament ewsoċjali b'bijoloġija simili. Ċerti speċi ta' Allodapini naħal (qraba tan-naħla Xylocopa) wkoll għandhom kolonji primittivament ewsoċjali, imma għandhom interazzjoni bejn in-naħal adulti u l-frieħ li qed jiżviluppaw fuq livell mhux tas-soltu. Din tissejjaħ "proviżjoni progressiva"; l-ikel tal-larva jiġi fornut ftit ftit hija u tiżviluppa. Din is-sistema jużawha wkoll in-naħal tal-għasel u xi bombli.

In-naħal li huma ewsoċjali għall-aħħar jgħixu f'kolonji. Kull kolonja jkollha reġina waħda, ħafna ħaddiema u, f'ċerti stadji fiċ-ċiklu tal-kolonja, jkun fiha n-naħal bgħula. Il-bejta li jipprovdu l-bnedmin għan-naħal tissejjaħ ġarra jew kaxxa tan-naħal. Ġarra tan-naħal tal-għasel jista' jkun fiha 40000 naħla fl-aqwa tas-sena, fir-rebbiegħa, iżda s-soltu jkun fiha inqas.

Bomblu

Il-bombli (Bombus terrestris,B. pratorum, et al.) huma ewsoċjali b'mod li jixbah bejn wieħed u ieħor lill-Vespidae bħall-bgħula taż-żunżan. Ir-reġina tibda bejta weħida (mhux bħall-irġejjen tan-naħal tal-għasel u n-naħal ta' bla xewka li jibdew il-bejtiet minn ferħa li jkun fiha għadd kbir ta' ħaddiema). Il-kolonji tal-bombli tipikament ikun fihom minn 50 sa 200 naħla fl-aqwa tagħhom li jkun minn nofs sa tmiem is-sajf. L-arkitettura tal-bejta hi sempliċi, limitata mid-daqs tal-ħofra tal-bejta (li tkun hemm minn qabel), u l-kolonji rari jkunu perenni. L-irġejjen tal-bombli kultant fix-xitwa jistkennu fil-ġarer tan-naħal tal-għasel, fejn kultant l-apikulturi isibuhom mejtin, nistgħu nissoponu li jkunu qatluhom in-naħal bix-xewka. Mhux magħruf jekk xi wħud jibqgħux ħajjin matul ix-xitwa f'dan l-ambjent.

Il-bombli huma wħud mill-pollinaturi selvaġġi l-aktar importanti, iżda naqsu ħafna f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin.

In-naħal bla xewka

[immodifika | immodifika s-sors]

In-naħal bla xewka jvarjaw ħafna fl- imġiba tagħhom, iżda huma kollha ewsoċjali għall-aħħar. Huma jużaw il- hażna tal-massa, l- arkitettura tal-bejta tagħhom hi kumplessa, u l-kolonji tagħhom jibqgħu minn sena għall-oħra.

In-naħal tal-għasel

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-veru naħal tal-għasel (ġeneru Apis) nistgħu ngħidu li għandhom l-aktar imġiba soċjali kumplessa fost in-naħal. In-naħla tal-għasel Ewropea, Apis mellifera, hi l-ispeċi tan-naħal l-iktar magħrufa u waħda mill-iżjed magħrufin fost l-insetti kollha. Sottospeci ta' din in-nahla li tinsab fil-gżejjer Maltin biss. L-isem xjentifiku ta' din in-naħla hu Apis mellifera ruttneri, filwaqt li l-isem komuni hu n-Naħla tal-għasel ta' Malta. Tezisti organizazzjoni bl-isem Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija li tahdem favur il-konservazzjoni ta' dan l-ekotip lokali.[2]

In-naħal tal-għasel Afrikanizzati

[immodifika | immodifika s-sors]

In-naħal Afrikanizzati, magħrufa wkoll bħala n-naħal qattiela, huma razza ibrida tal-Apis mellifera ġejjin minn esperimenti minn Warwick Estevam Kerr biex idakkar in-naħal Ewropej u Afrikani. Xi rġejjen ħarbulu mill-laboratorju tiegħu fl-Amerika t'Isfel u infirxu madwar l-Ameriki. In-naħal Afrikanizzati huma aktar aggressivi minn naħal Ewropej.

In-naħal solitarji u komunali

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-parti l-kbira tan-naħal l-oħra, fosthom xi speċi familjari bħal Xylocopa virginica, Megachile rotundata, Osmia lignaria u Osmia cornifrons huma solitarji fis-sens li kull mara hi għammiela, u tipikament tgħix f'bejta li tibni hi stess. F'dawn l-ispeċi m'hemmx naħal ħaddiema. In-naħal solitarji tipikament la jipproduċu għasel u lanqas xama'. Huma immuni mill-Akarina u l-briegħed tal-varroa, iżda għandhom parassiti, dud u mard speċjali għalihom.

Naħla solitarja, Anthidium florentinum (familja Megachilidae), fuq xitla tal-Lantana

In-naħal solitarji huma pollinaturi importanti, u l-pollin jiġbruh biex ifornu l-bejta bl-ikel għall-frieħ tagħhom. Spiss iħalltuh man-nettaru biex jagħmlu taħlita qiesha soppa. Xi naħal solitarji għandhom fuq ġisimhom tipi ta' strutturi avvanzati ħafna biex iġorru l-pollin. It-trobbija ta' xi speċi ta' naħal solitarji għall-pollinazzjoni kummerċjali qiegħda dejjem tiżdied.

In-naħal solitarji huma spiss oligoleġi, fis-sens li jiġbru l-pollin minn speċi/ġeneru ta' pjanti wieħed biss jew xi ftit (mhux bħan-naħal u l-bombli li huma ġeneralisti). Ma nafux b'naħal li huma speċjalisti tan-nettaru; ħafna naħal oligolettiċi jżuru bosta pjanti għan-nettaru, iżda m'hemmx naħal li jżuru xitla waħda biss għan-nettaru filwaqt li jiġbru l-pollin minn ħafna xtieli differenti. Fost in-naħal li huma pollinaturi speċjalisti hemm ukoll speċi li jiġbru ż-żejt mill-fjuri minflok il-pollin, u l-irġiel tan-naħal tal-orkidej, li jiġbru materjali aromatiċi mill-orkidej (wieħed mill-każi fejn in-naħal irġiel huma pollinaturi effikaċi). Fi ftit każi speċi waħda biss ta' naħal tista' tippolinizza effikaċament speċi ta' xtieli, u xi pjanti huma fil-periklu mill-inqas in parti minħabba li l-pollinaturi speċjali tagħhom qegħdin jinqerdu. Però in-naħal oligolettiċi għandhom tendenza mmarkata li jkunu assoċjati ma' xtieli komuni u mifruxa li jżuruhom bosta pollinaturi (pereżempju, hemm madwar 40 oligoleġi assoċjati mal-Larrea tridentata fl-Istati Uniti[3], u l-istess tendenzi ġew osservati fil-ward tax-xemx, Astri, eċċ )

In-naħal solitarji jibnu l-bejtiet ġol-vojt tal-qasab jew ta' zkuk żgħar, toqob fl-injam, jew, l-iżjed spiss, fil-ħofor taħt l-art. Il-mara s-soltu toħloq kompartiment ( "ċellula") b'bajda ġo fiha u xi ikel għal-larva, imbagħad tissiġillha. Bejta jista' jkun fiha bosta ċelluli. Meta l-bejta tkun fl-injam, ġeneralment l-aħħar ċelluli (dawk l-eqreb tad-daħla) jkun fihom bajd li se jfaqsu rġiel. L-adulti ma jieħdu l-ebda ħsieb ta' wliedhom wara li jbidu l-bajd u s-soltu jmutu wara li jkun bnew bejta waħda jew iżjed. Il-irġiel tipikament ifaqqsu l-ewwel u jkunu lesti għat-tgħammir man-nisa meta jfaqqsu. Qiegħed isir popolari fost il-ġardinara li jipprovdu kaxxetti għan-naħal solitarji. In-naħal solitarji jew ma jkollhomx xewka jew huma improbabbli ħafna li jagħtu x-xewka (forsi biex jiddefendu ruħom biss).

Filwaqt li n-naħal solitarji nisa jibnu l-bejtiet tagħhom, xi speċi huma gregarji, u jħobbu jibnu l-bejtiet qrib tal-oħrajn tal-istess speċi, u dan jagħti l-impressjoni li huma soċjali. Gruppi kbar ta' bejtiet ta' naħal solitarji insejħulhom "aggregazzjonijiet", biex ma nħaltuhomx ma' "kolonji".

F'xi speċi, bosta nisa jgħixu fl-istess bejta, imma kull waħda tibni ċ-ċelluli tagħha u tfornihom bl-ikel hi waħida. Dan it-tip ta' grupp, li mhuwiex rari, jissejjaħ "komunali". Il-vantaġġ ewlieni jidher li hu, li meta hemm bosta nisa li jużaw l-istess daħla għall-bejta regolarment hu eħfef li jiddefenduha mill-predaturi u l-parassiti.

In-naħal kleptoparassiti

[immodifika | immodifika s-sors]

In-naħal kleptoparassiti jinstabu f'bosta familji tan-naħal, għalkemm l-isem teknikament japplika l-aħjar għan-nomadini (Nomadinae), sottofamilja tal-apidi (apidae). In-nisa ta' dawn in-naħal m'għandhomx it-tagħmir għall-ġbir tal-pollin (l-iscopa) u ma jibnux il-bejta tagħhom. Dawn tipikament jidħlu fil-bejtiet ta' speċi li jiġbru l-pollin, u jbidu l-bajd tagħhom fiċ-ċelluli tal-bejta li jkunu daħlu fiha, lesti bil-proviżjon tal-ikel. Meta l-larva tan-naħla kleptoparassita tfaqqas, tiekol il-boċċa tal-pollin u jekk in-naħla kleptoparassita ma tkunx diġà għamlet hekk, toqtol il-larva u tikolha. Fi ftit każi fejn l-ospiti huma speċi soċjali, il-kleptoparassita tibqa' fil-bejta tal-ospiti u tbid ħafna bajd, kultant anki toqtol is-sultana ospiti u toħdilha postha.

Ħafna naħal kleptoparassiti jieġu mill-qrib, u jixbħu l-ospiti tagħhom fid-dehra u d-daqs, (pereżempju is-sottoġeneru Psithyrus tal-Bombus li huma bombli parassiti li jinvadu l-bejtiet ta' speċi f'sottoġeneri oħra tal-Bombus ). Din l-iskema komuni wasslet ghall-prinċipju ekoloġiku magħruf bħala r-"Regola ta' Emery". Xi oħrajn jidħlu fil-bejta ta' naħal ta' familji differenti, bħat-Townsendiella, apidi nomadina, li speċi minnhom hi kleptoparassita tad-Dasypodaidae ġeneru Hesperapis, waqt li l-ispeċi l-oħra fl-istess ġeneru jattakkaw in-naħal halictidae.

In-naħal notturni

[immodifika | immodifika s-sors]

Erba' familji ta' naħal (Andrenidae, Colletidae, Halictidae, u Apidae) fihom xi speċi li huma krepuskulari (dawn jistgħu jkunu tat-tip vespertin jew matinali). Dawn in-naħal għandhom ocelli kbar ħafna, li huma estremament sensittivi għad-dawl u d-dlam, għalkemm mhumiex kapaċi li jiffurmaw xbihat. Ħafna huma pollinaturi ta' fjuri li huma wkoll krepuskulari, bħall-primuli ta' filgħaxija, u xi wħud jgħixu fid-deżert fejn binhar it-temperaturi huma għoljin ħafna.

Titjir in-naħal

[immodifika | immodifika s-sors]
Naħla fl-ajru iġġorr il-pollin fil-borża tal-pollin

Fil ktieb tiegħu tal-1934 bil-Franċiż Le vol des insectes, M. Magnan kiteb li hu u s-Sur Saint-Lague kienu applikaw l-ekwazzjonijiet tar-reżistenza tal-arja għall-bombli u sabu li t-titjir tagħhom ma setax jiġi spjegat bil-kalkuli li jissoponu ġwienaħ fissi, imma "M'għandniex niskantaw li r-riżultati tal-kalkuli ma jaqblux mar-realtà"[4]. Dan wassal għall-iżbal komuni li n-naħal "jiksru l-liġijiet tat-teorija tat-teorija tal-aerodinamika ", imma fil-fatt sempliċiment ikkonferma li n-naħal li ma jużawx ġwienaħ fissi, u li t-titjir tagħhom nistgħu nispjegaw b'mekkaniżmu ieħor, bħal dak użat mill-elikotteri[5]

Fl-1996 Charlie Ellington tal-Università ta' Cambridge University wera li l-vortiċi maħluqa mill-ġwienaħ ta' ħafna insetti flimkien mal-effetti mhux linjari huma importanti biex jipprovdu l-forza li terfa' l-insetti fl-ajru[6]; il-vortiċi u l-fenomeni mhux linjari huma magħrufin bħala oqsma tal-idrodinamika diffiċli għall-aħħar u għalhekk il-progress fil-fehim teoretiku tat-titjir tal-insetti miexi bilmod ħafna.

Fl-2005, Michael Dickinson u l-kollegi tiegħu f'Caltech studjaw it-titjir tan-naħla tal-għasel tal-punent bl-għajnuna taċ-ċinematografija ta' veloċità għolja [7] u mudell ġgant robotizzat ta' ġwejnaħ ta' naħla[8]. L-analiżi tagħhom uriet li kien hemm irfiegħ biżżejjed ġej mill-"kombinazzjoni mhux konvenzjonali ta' daqqiet qosra tal-ġwejnaħ, tidwir mgħaġġel tal-ġwejnaħ meta jdur u jaqleb id-direzzjoni, u frekwenza għolja ħafna tat-tperpir tal-ġwejnaħ". Il-frekwenza tat-tperpir tal-ġwejnaħ is-soltu tiżdied meta jonqos id-daqs, iżda billi t-tperpir tal-ġwejnaħ tan-naħla ikopri qaws daqshekk żgħir, hi tperper il-ġwejnaħ madwar 230 darba kull sekonda, b'rata aktar mgħaġġla minn ta' dubbiena tal-frott (200 darba fis-sekonda) li hi 80 darba iżgħar[9].

Fl-2008 Barbara Shipman skopriet konnessjoni matematika bejn iż-żfin tan-naħal u l-varjetà bandiera [10].

In-naħal ivarjaw ħafna fid-daqs. Hawnhekk naħla ċkejkna ħafna tal-familja halictidae tiġbor il-pollin, filwaqt li bomblu warajha jiġbor in-nettaru minn ġilju.

In-naħal, bħan-nemel, huma forma speċjalizzata ta' żunżan. L-antenati tan-naħal kienu żnażan tal-familja Crabronidae, u għalhekk predaturi fuq insetti oħra. Il-bidla mill-insetti bħala ikel għall-pollin għandha mnejn irriżultat mill-konsum ta' xi insetti li kienu jżuru l-fjuri u kienu parzjalment miksija bil-pollin meta intemgħu lill-larvi taż-żnazan. L-istess proċess evoluttiv ġara wkoll fi ħdan il-familja taż-żnażan vespoidea, fejn il-grupp magħruf bħala "żnażan tal-pollin" evolvew huma wkoll minn antenati predatorji. L-eqdem fossili ta' naħla li ma saritx bil-kompressjoni li konna nafu biha sa dal-aħħar kienet Cretotrigona Prisca, naħla bla xewka, (Meliponini) fl-ambra minn New Jersey miż-żmien Kretatiku. Riċentament ġiet irrapportata sejba ta' fossili ta' naħla tal-ġeneru Melittosphex , li hi meqjusa bħala "linjaġġ estint ta' Apoidea, naħla li tiġbor il-pollin, oħt in-naħla ta' daż-żmien", u ġejja mill-bidu tal-perjodu Kretatiku (~ 100 miljun sena ilu)[11]. Il-karatteristiċi derivati tal-morfoloġija tagħha ("apomorfi") jqegħduha ċarament fi ħdan in-naħal, iżda baqgħalha żewġ karatteristiċi fir-riġlejn mhux modifikati li ġejjin mill-antenati ("pleżjomorfi") li juru li kienet fi stat tranżitorju.

L-ewwel fjuri li qatt ġew pollinati mill-annimali ippollinawhom insetti bħal ħniefes, u allura l-pollinazzjoni mill-insetti bdiet qabel dehru n-naħal. Il-ħaġa ġdida hi li n-naħal huma speċjalizzati bħala pollinaturi, b'modifikazzjonijiet fiżiċi u fl-imġiba li speċifikament jgħinu l-pollinazzjoni, u li ġeneralment huma aktar effiċjenti f'dan ix-xogħol mill-insetti l-oħra kollha li jippollinaw bħall-ħniefes, dubbien, friefet u żnażan tal-pollin. Jaħsbu li d-dehra tal-ispeċjalisti fil-pollinazzjoni tal-fjuri ħeġġet ir-radjazzjoni adattiva tal-anġjospermi u, warajhom tan-naħal stess.

Fost il-gruppi ħajjin tan-naħal, id-Dasypodaidae daż-żmien meqjusa bħala l-aktar naħal "primittivi", u jagħmlu "takson oħt" tal-bqija tan-naħal, kontra l-ipoteżi ta' qabel li n-naħal tal-familja Colletidae hu l-grupp bażali tan-naħal; il-colletidae għandhom ħalq qasir bħal taż-żnażan li ġie minn evoluzzjoni konverġenti u mhux xhieda ta' stat pleżjomorfu. [1]

Il-pollinazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Osmia ribifloris

In-naħal għandhom sehem importanti fil-pollinazzjoni tax-xtieli li jwarrdu u huma t-tip l-iżjed numeruż ta' pollinaturi fl-ekosistemi li fihom xtieli li jwarrdu. In-naħal jew jintefgħu fuq il-ġbir tan-nettaru jew fuq il-ġbir tal-pollin skont il-bżonn, speċjalment fl-ispeċi soċjali. In-naħal li jiġbru n-nettaru jistgħu jagħmlu xi pollinazzjoni, iżda n-naħal mitfugħin fuq il-ġbir tal-pollin huma pollinaturi aktar effiċjenti. Huwa stmat li terz tal-provvista tal-ikel tal-bniedem jiddependi fuq il-pollinazzjoni mill-insetti, li l-parti l-kbira minnha titwettaq min-naħal, speċjalment min-naħla domestikata, in-naħla Ewropea tal-għasel. Il-pollinazzjoni bil-kuntratt saret iżjed importanti mill-produzzjoni tal-għasel għall-kultivaturi f'bosta pajjiżi. Il-monokultura u t-tnaqqis enormi fin-numru tan-naħal ta' ħafna speċi (kemm domestiċi u kemm selvaġġi) qiegħed iġiegħel dejjem aktar il-kultivaturi tan-naħal tal-għasel li jsiru migraturi biex hekk in-naħal ikunu jistgħu jiġu kkonċentrati f'postijiet fejn hemm l-iżjed bżonn tal-pollinazzjoni skont l-istaġun.

Ħafna naħal huma muswafa u ikkargati bl-elettrostatika biex il-pollin jeħel magħhom aħjar. In-naħal nisa kultant jieqfu mit-tfittxija għall-ikel biex isorru l-pollin fl-iscopa, li tinstab fuq ir-riġlejn f'ħafna naħal, u fuq l-addome ventrali f'oħrajn. Din ġiet immodifikata f'borża għall-pollin fuq riġlejn fin-naħal tal-għasel u l-qraba tagħhom. Ħafna naħal huma opportunisti u jiġbru l-pollin mill-pjanti li jsibu, filwaqt li oħrajn huma oligolettiċi u jiġbru l-pollin minn tip wieħed biss jew ftit tipi ta' xtieli. Hemm numru żgħir ta' pjanti li minflok il-pollin jipproduċu żejt sustanzjuż fil-fjuri tagħhom li jiġbruh u jużawh in-naħal oligolektiċi. Hemm sottogrupp żgħir ta' naħal bla xewka, imsejħin "naħal avultuni" tal-ġeneru trigona li huma speċjalizzati biex jieklu l-karonja, il-laħam ta' annimali mejtin, u dawn huma l-uniċi naħal li ma jużawx il-prodotti tal-pjanti bħala ikel. In-naħal is-soltu l-pollin u n-nettaru jagħqduhom flimkien sabiex jiffurmaw "massa ta' proviżżjon", li għandha l-konsistenza tal-għaġina, iżda tista' tkun iebsa. Jagħġnuha f'diversi għamliet (tipikament f'forma ta' boċca), u jaħżnuha f'kamra żgħira ("ċellula"), u jqegħdu bajda fuqha. Iċ-ċellula tipikament jissiġillawha kif titqiegħed il-bajda, u l-adulti u l-larvi qatt ma jiltaqgħu direttament (sistema li tissejjaħ "proviżżjon bil-massa").

Żewġ naħal jiġbru l-pollin minn fuq il-kaktus li tiftaħ bil-lejl, Selenicereus grandiflorus.

F'New Zealand xi xjenzjati skoprew li tliet ġeneri ta' naħal indiġeni evolvew biex saru jistgħu jiftħu l-blanzuni tal-fjuri tal-viskju indiġenu Peraxilla tetrapetala. Il-blanzuni ma jistgħux jinfethu waħidhom iżda jżuruhom xi għasafar bħat-"Tui" (Prosthemadera novaeseelandiae) u l-"Korimako" (Anthornis melanura) li bil-munqar jobormu t-tarf tal-blanzuni lesti għall-ftuħ. Dan iħoll mekkaniżmu li jġiegħel il-petali jinfetħu f'daqqa biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għasel u l-pollin. Però, meta kienu qegħdin josservaw in-naħal indiġeni fil-provinċja ta' Canterbury f'South Island, ix-xjenzati skantaw meta raw in-naħal jigdmu t-truf tal-blanzuni, imbagħad jimbuttaw b'saqajhom u kultant jirnexxilhom jiftħu l-blanzuni biex ikun jistgħu jilħqu l-għasel u l-pollin, u hekk jgħinu fil-pollinazzjoni tal-viskju li qiegħed jonqos f'New Zealand. Imkien ieħor fid-dinja in-naħal ma kellhom il-ħila li jiftħu fjuri li jinfetħu f'daqqa adattati għall-għasafar[12].

Meta jmorru minn fjura għall-oħra n-naħal jiltaqgħu ma' ħafna perikli. Il-ħniefes "Reduvidi" (Reduviidae) u l-brimb Tomisidi (Thomisidaes) jistaħbew fil-fjuri biex jaqbdu n-naħal aljenati. Naħal oħra jikluhom l-għasafar huma u jtiru. L-insettiċidi użati fuq xtieli li jwarrdu joqtlu ħafna naħal, kemm avvelenati direttament u kemm bil-kontaminazzjoni tal-provvista tal-ikel tagħhom. Sultana tan-naħal tal-għasel tista' tbid 2000 bajda kull jum matul ir-rebbiegħa qabel tibda t-tfittxija għall-ikel, iżda trid wkoll tbid bejn 1000 u 1500 bajda kull jum matul l-istaġun ta' tfittxija għall-ikel, l-aktar biex tpatti għal dawk in-naħal li jmutu kuljum, li l-parti kbira minnhom huma ħaddiema li jmutu bix-xjuħija. Fost in-naħal solitarji u primitivament soċjali, però, ir-riproduzzjoni matul ħajja hi fost l-iżjed baxxi mill-insetti kollha, billi s-soltu n-nisa ta' dawn l-ispeċi jipproduċu inqas minn 25 ulied.

Il-valur ta' popolazzjoni ta' naħal tiddependi parzjalment mill-effiċjenza individwali tan-naħal, iżda wkoll mill-popolazzjoni nnifsha. Pereżempju filwaqt li l-bombli (Bombus) huma madwar għaxar darbiet aktar effiċjenti bħala pollinaturi fuq il-cucurbitaceae, il-familja tal-qargħa, l-effiċjenza totali ta' kolonja ta' naħal tal-għasel hi ħafna ogħla minħabba li jkun fiha numru ħafna akbar ta' insetti. Bl-istess mod kmieni fir-rebbiegħa, il-popolazzjonijiet tal-bombli jkunu magħmulin minn xi ftit slaten biss u għalhekk mhumiex pollinaturi importanti tal-frott bikri.

In-naħal u l-bniedem

[immodifika | immodifika s-sors]

In-naħal għandhom post prominenti fil-mitoloġija u ntużaw mit-teoriċi tal-pulitka bħala mudell għas-soċjetà umana. Jidhru xbihat ta' komunitajiet ta' naħal tal-għasel mill-qedem saż-żmien ta' llum, fix-xogħol ta' Aristotli u Platun; f'Virġilju u Seneca ; f'Erażmu, Shakespeare u Tolstoj, kif ukoll fix-xogħol tat-teoriċi soċjali bħal Bernard Mandeville u Karl Marx [13].

Minkejja x-xewka tan-naħla tal-għasel li tista' tweġġa' sewwa u l-fama li għandhom l-insetti bħala tikazzjoni, in-naħal ġeneralment għandhom isem tajjeb, x'aktarx minħabba li huma utli bħala pollinaturi u produtturi tal-għasel, in-natura soċjali tagħhom, u l-fama tagħhom għall-bżulija. In-naħal huwa wieħed mill-ftit insetti li jidhru regolarment fir-reklami.

Għalkemm it-tingiża tan-naħal tista' toqtol lil min ikun allerġiku, kważi l-ebda speċi tan-naħal m'hi aggressiva jekk ma tkunx disturbata u ħafna huma bla xewka. Il-bnedmin spiss huma periklu ikbar għan-naħal, billi n-naħal jistgħu ibatu jew imutu meta jiltagħu ma' kimiċi tossiċi fl-ambjent.

Noti u referenzi

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. ^ a b Danforth BN, Sipes S, Fang J, Brady SG, The history of early bee diversification based on five genes plus morphology, (L-istorja tad-diversifikazzjoni bikrija tan- naħal ibbażata fuq ħames ġeni u l-morfoloġija), Proc. Natl. Acad. Sci. USA, Vol. 103, Ħarġa 41, paġni 15118-23, 2006, [1] [2] [3]
  2. ^ "Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija". Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija (bil-Malti). Miġbur 2022-12-20.
  3. ^ Hurd, PD Jr, Linsley, EG, The principal Larrea bees of the southwestern United States, (In-naħal ewlenin tal-Larrea tal-Lbiċ tal-iStati Uniti), Smithsonian Contributions to Zoology, Vol. 193, paġni 1-74, 1975
  4. ^ Ingram, Jay The Barmaid's Brain, Aurum Press, 2001, pp. 91-92
  5. ^ Cecil Adams, Is it aerodynamically impossible for bumblebees to fly? (Hu aerodinamikament impossibli li l-bombli jtiru?), [4]
  6. ^ Phillips, H. Secrets of bee flight revealed (Mikxufa s-sigrieti tat-titjir tan-naħal), Newscientist, 2005, [5]
  7. ^ [6]
  8. ^ Deciphering the Mystery of Bee Flight (Is-soluzzjoni tal-misterju ta' titjir in-naħal) [7]
  9. ^ Altshuler D L, Dickson W B, Vance J T, Roberts S P u Dickinson MH, Short-amplitude high-frequency wing strokes determine the aerodynamics of honeybee flight, (Id-daqqiet bil-ġwienaħ ta' ampjezza qasira u frekwenza għolja jiddeterminaw l-aerodinamika ta' titjir in-naħal), Proc Natl Acad Sci A. US, Vol. 102, paġni 18213-18218, 2005, [8] [9]
  10. ^ "Archive copy". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-08-15. Miġbur 2009-08-09.Manutenzjoni CS1: kopja arkivjata bħala titlu (link)
  11. ^ Poinar GO, Danforth BN, A fossil bee from Early Cretaceous Burmese amber, (Fossili ta' naħla fl-ambra Burmiża minn kmieni fil-Kretatiku), Science, Vol. 314, Ħarġa 5799, paġni 614, 2006, [10] [11]
  12. ^ Kelly D, Native Bees With New Tricks, (Naħal indiġeni b'ħiliet ġodda), New Zealand Science Monthly, April 1996, [12]
  13. ^ Wilson B, The Hive: The Story Of The Honeybee, (Il-ġara tan-naħal: l-istorja tan-naħal tal-għasel), John Murray, Londra, 2004, ISBN 0-7195-6598-7

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]