Aqbeż għall-kontentut

Katidral ta' Tournai

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tal-ħames torrijiet Rumaneski tal-Katidral ta' Tournai tas-seklu 12.

Il-Katidral ta' Tournai jew il-Katidral tal-Madonna ta' Tournai (bil-Franċiż: Notre-Dame de Tournai, bl-Olandiż: Onze-Lieve-Vrouw van Doornik) huwa knisja Kattolika Rumana, u s-sede tad-Djoċesi ta' Tournai f'Tournai, il-Belġju. Ġie kklassifikat kemm bħala wirt ewlieni tal-Wallonja mill-1936[1] kif ukoll bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mis-sena 2000.[2]

It-transett u t-torrijiet tan-Nofsinhar.

Kien hemm djoċesi ċċentrata f'Tournai mill-aħħar tas-seklu 6. Din l-istruttura tal-ġebel lokali ta' lewn ikħal-griż tokkupa art ġejja għat-telgħa qrib ix-xatt tan-Nofsinhar tax-xmara Scheldt, li tiddividi l-belt ta' Tournai bejn wieħed u ieħor f'żewġ partijiet indaqs. Il-kostruzzjoni bdiet fis-seklu 12 fuq pedamenti ferm iktar antiki. Il-binja tikkombina x-xogħol ta' tliet perjodi ta' disinn b'mod ċar. Il-karatturu tqil u sever tan-navata Rumaneska tikkuntrasta b'mod konsiderevoli max-xogħol tranżizzjonali tat-transett u l-Gotiku żviluppat għalkollox tal-kor. It-transett huwa l-iżjed parti tal-binja li tispikka, bil-ħames torrijiet tal-kampnar u t-truf apsidali (semiċirkolari) tiegħu.

In-navata tappartjeni l-iktar għall-ewwel terz tas-seklu 12. Tħaddan l-istil Gotiku Bikri u għandha gallerija fit-tieni sular bejn l-arkata tal-pjan terran u t-triforju. Il-pilastri bejn it-twieqi bi ħnejjiet tondi fil-klerestorju jgħinu biex jirfdu l-volti tas-seklu 18 li ssostitwixxew is-saqaf oriġinali, li kien ċatt u tal-injam.

Is-sezzjonijiet tat-transett, li nbena għall-ħabta ta' nofs is-seklu 12, għandhom trufijiet apsidali, karatteristika mislufa wisq probabbli minn ċerti knejjes tul ix-xmara Renu, u li milli jidher kellha influwenza li nħasset fil-Grigal ta' Franza, bħal f'Noyon u f'Soissons. It-torrijiet kwadri maġenb is-sezzjonijiet ta' fuq tat-transett ilaħħqu għoli ta' 83 metru (272 pied). Ivarjaw fid-dettall, uħud minnhom b'lavur fl-arkati bi ħnejjiet tondi u wħud minnhom b'lavur bi ħnejjiet ippuntati.

L-Isqof Gautier de Marvis (1219-1252) ordna li l-kor Rumanesk bikri jitwaqqa' fis-seklu 13, sabiex jiġi ssostitwit b'kor Gotiku b'dimensjonijiet ferm ikbar, ispirat mill-Katidral ta' Amiens, Franza. Il-kostruzzjoni tal-kor il-ġdid bdiet fl-1242 u ntemmet fl-1255. Il-kumplament tal-katidral suppost li kellu jiġi rikostruwit bl-istess stil bħal tal-kor, iżda dan qatt ma twettaq. L-unika żidiet li saru wara kienu l-portiku tal-Punent, u kappella Gotika kbira li nbniet maġenb waħda mill-korsiji laterali, u l-ħitan u t-twieqi oriġinali tagħha sadanittant għebu.

Il-ħajt diviżorju qrib l-artal huwa kapulavur Rinaxximentali tal-iskultur Fjamming Cornelis Floris u jmur lura għall-1573.

Il-katidral ġarrab ħsarat minn tromba tal-arja kbira fl-24 ta' Awwissu 1999. Mill-valutazzjoni tal-ħsarat ġew żvelati problemi strutturali sottostanti u l-katidral ilhom isirulu tiswijiet u investigazzjonijiet arkeoloġiċi minn dak iż-żmien. It-Torri ta' Brunin ġie stabbilizzat fl-2003.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Portiku tal-Punent

Il-Katidral ta' Tournai ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Speċifikazzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Tul totali: 134 metru (440 pied)
Torrijiet
  • Numru: 5
  • Għoli: 83 metru (272 pied)
Navata
  • Għoli: 26 metru (85 pied)
  • Tul: 48 metru (157 pied)
  • Wisa' : 20 metru (66 pied)
Kor
  • Għoli fuq barra: 58 metru (190 pied)
  • Għoli minn ġewwa: 47 metru (154 pied)
  • Wisa': 36 metru (118-il pied)
Transett
  • Għoli: 48 metru (157 pied)
  • Tul: 66.5 metru (218 pied)
  • Wisa': 14-il metru (46 pied)

Il-Katidral ta' Tournai għandu ħames qniepen, Marc, Marie-Nicolas, Marie-Étienne, Marie-Gasparine (magħrufa wkoll bħala Marie-Pontoise miċ-ċittadini ta' Tournai) u Catherine. Marie-Gasparine u Marie-Étienne jitqiesu bħala qniepen tan-noti profondi. Marie-Gasparine hija l-ikbar waħda mill-ħames qniepen, ġiet magħmula fl-1843 u tiżen disa' tunnellati.

  1. ^ "Aménagement du territoire, Logement, Patrimoine et Énergie". lampspw.wallonie.be. Miġbur 2022-08-20.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Notre-Dame Cathedral in Tournai". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-20.